Aktar minn 550 persuna attendew għall-ikla tal-Caritas Malta ġewwa l-Kurja tal-Arċisqof li ssir propju għal dawk il-persuni li kieku jqattgħu l-Milied waħedhom. Fost dawn hemm għadd ta’ tfal flimkien mal-carers u l-ġenituri tagħhom. Is-sena l-oħra 400 persuna ħadu sehem.

“Il-voluntiera ħabbew lil dawk li fil-Milied ma ħabbhom ħadd”

Din l-ikla tiġi organizzata mill-Caritas bħala parti mill-kampanja mal-persuni fis-solitudni,u din kienet propju r-raba edizzjoni tagħha. Permezz ta’ din l-ikla, dawn in-nies, almenu għal ġurnata, jingħaqdu fi spirtu ta’ familja u joħorġu mis-solitudni.

Bosta awtoritajiet żaru din l-ikla fosthom il-President Marie-Louise Coleiro Preca, il-President Emeritu George Abela, in-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico, il-Mons. Arċisqof Charles Scicluna, il-Mons. Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, kien qal ma’ Newsbook.com.mt li jkun aħjar jekk għall-ikla tal-Milied li ssir ġewwa l-Kurja, ma jmur ħadd. L-Arċisqof Charles Sciculna kien semma li s-solitudni ma tistax teliminaha għal kollox iżda qal li huwa tajjeb li wieħed iħoss l-għożża tal-komunità li jkun qed jgħix fiha speċjalment f’dawn iż-żminijiet qaddisa.

“Nixtiequ li għal din l-ikla ma jiġi ħadd” – Direttur tal-Caritas