Kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qalet li l-ajruport ma għandu xejn aktar xi jgħid dwar il-każ taż-żewġ ġuvintur li daħlu għall-bagalji tagħhom minn fuq il-conveyor belt.

Newsbook.com.mt staqsa jekk itteħditx azzjoni mill-ajruport fil-każ taż-żewġ żgħażagħ u x’tip ta’ azzjoni ttieħdet. Il-kelliema għall-ajruport spjegat li malli saru jafu bil-każ, dan ġie rrappurtat lis-sigurtà tal-ajruport. Meta mistoqsija x’piena kien hemm wara azzjoni tat-tip, il-kelliema spjegat li ma għandhiex aktar xi żżid dwar il-każ.

Jidħlu għall-bagalja mill-conveyor belt tal-ajruport f’Malta

Il-filmat li ttella’ fuq is-sit 9gag juri żewġ żgħażagħ li ddeċidew li jitilgħu fuq il-conveyor belt miż-żona ta’ fejn jinġabru l-bagalji fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) għax ħassew li l-bagalji damu wisq ma ġew. Fit-tmiem tal-filmat, iż-żewġ żgħażagħ dehru ħerġin lura minn fejn daħlu bil-bagalji tagħhom.

Fost il-kummenti fuq il-filmat, kien hemm dak ta’ persuna li qal li jaħdem fid-dipartiment tas-sigurtà tal-ajruport. Hu kien insista li dawn iż-żgħażagħ għandhom jgħoddu lilhom innifishom bħala xxurtjati li l-ħaddiema iddeċidew li ma jieħdux passi kontrihom.