Il-kumpaniji tal-video games Ċiniżi qed jistennew li l-approvazzjonijiet għal titli ġodda jerġgħu jibdew jinħarġu mill-bidu tal-2019 biex b’hekk jintemm imblokk ta’ kważi sena li xekkel it-tkabbir tal-ġgant tal-Internet Tencent u kumpaniji oħra fl-akbar suq tal-gaming fid-dinja. Ir-regolaturi Ċiniżi kienu waqqfu jagħtu aktar liċenzji għal-logħob f’Marzu li għaddu wara li l-Gvern għalaq r-regolatur tas-settur u integrah f’dipartiment tal-Partit Komunista.

Hu mifhum li hemm madwar 5,000 logħba jistennew l-approvazzjoni iżda hemm xettiċiżmu li dawn kollha jistgħu jiġu approvati malajr hekk kif taħt it-tmexxija diretta mill-Partit, ħafna qed jistennew ċensura aktar qawwija.

Dan hekk kif fost l-ewwel 20 titlu evalwat mill-kumitat tal-etika appuntat direttament mill-Partit Komunista, dan irrifjuta nofshom u talab bidliet fil-bqija. Fost l-oħrajn, il-kumitat jidher li ħa pożizzjoni iebsa fir-rigward ta’ logħob li fih vjolenza jew aspetti oħra makabri.

Tencent, l-akbar kumpanija tal-gaming fil-pajjiż, tilfet aktar minn 19-il biljun dollaru f’sena minħabba dħul anqas minn dan is-settur. Is-suq tal-gaming Ċiniż, li huwa ddominat minn kumpaniji lokali, hu mistenni li jiġġenera aktar minn 30 biljun dollaru f’bejgħ din is-sena, f’logħob għall-kompjuters u għal mobiles.

Nissan tkeċċi elf ruħ mill-Messiku

Nissan se tkeċċi mal-1,000 impjegat mill-fabbriki tagħha fil-Messiku hekk kif il-bejgħ tagħha f’dan il-pajjiż ħa daqqa ta’ ħarta fl-aħħar xhur. Il-kumpanija Ġappuniża, li tbiegħ waħda minn kull ħames karozzi li tipproduċi proprju fil-Messiku ħabbret li se tnaqqas dawn il-ħaddiema mill-Istat tat-Tramuntana ta’ Aguascalientes u dak ċentrali ta’ Morelos.

Il-bejgħ ta’ Nissan f’Novembru li għadda naqas b’aktar minn 14% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, filwaqt li s-sehem fis-suq niżel minn 24% għal 21% fl-istess perjodu. B’kollox, il-bejgħ domestiku naqas b’madwar 6%.

Din l-aħbar mhux se tkun waħda pożittiva fi żmien il-Milied għall-Gvern ġdid Messikan li bena l-kampanja elettorali tiegħu fuq wegħda ta’ aktar ġid fil-pajjiż.

L-industrija tal-karozzi hija kruċjali għall-manifattura u l-esportazzjoni Messikana, hekk kif tipprovdi fost l-aktar impjiegi mħallsin fil-pajjiż. Proprju fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern tal-President Obrador għolla l-paga minima għal ftit aktar minn ħames dollari kuljum mis-sena d-dieħla.

F’dawn iż-żewġ fabbriki, Nissan tipproduċi l-mudelli Kicks, March, Versa u Sentra models, l-aktar popolari fl-Amerika Latina. Il-kumpanija investiet iktar minn 5 biljun dollar f’dawn iż-żewġ fabbriki fl-aħħar tlettax-il sena li matulhom il-produzzjoni annwali ta’ karozzi żdiedet minn 349,000 għa 829,000.

Talba qawwija għall-ħalib tal-ħafur

Il-ħalib magħmul mill-ħafur (oats) qed jintlaqat minn nuqqas qawwi ta’ provvista hekk kif aktar konsumaturi qed ifittxu alternattivi għal ħalib tal-baqra. Tant id-domanda għal ħalib tal-ħafur kibret f’daqqa, li Oatly, produttur kbir Svediż waqaf temporanjament il-pjanijiet tiegħu għal espansjoni internazzjonali biex ikun jista’ jilħaq id-domanda f’swieq eżistenti bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit. Oatly qed tistenna li t-turnover tagħha jitla’ b’60% din is-sena għal 84 miljun sterlina.

Fl-aħħar ħames snin kien hemm żieda qawwija għal ħalib li ġej mill-pjanti, b’dak tal-ħafur fuq quddiem, segwit minn dak tal-lewż. Il-bejgħ ta’ ħalib tas-sojanaqas. Kumpaniji kbar bħal PepsiCo, qed jaraw kif se jidħlu f’dan is-suq. PepsiCo proprjetarja ta’ Quaker Oats, qed tippjana li tniedi l-ħalib tal-ħafur fl-Istati Uniti mill-2019 hekk kif il-bejgħ ta’ dan il-prodott irdoppja kważi f’sena.

Is-settur tal-ħalib alternattiv hu mistenni jespandi grazzi għall-involviment ta’ startups tal-bioteknoloġija li qed jidħlu fis-suq. Eżempju minnhom, Perfect Day, qed tiżviluppa proteini tal-ħalib li ma fihom ebda sustanza li ġejja mill-annimali billi jużaw sistema ta’ fermentazzjoni bioloġika. Din il-kumpanija sabet l-appoġġ ta’ Temasek, kumpanija ta’ investiment tal-istat ta’ Singapor.

Il-bejgħ ta’ ħalib tradizzjonali naqas b’3.5% fl-aħħar ħames snin hekk kif aktar konsumaturi qed jagħmlu għażliet ġodda kemm mill-aspett ta’ saħħa kif ukoll ta’ stil ta’ ħajja li jirrispetta aktar l-annimali u l-ambjent ta’ madwarna.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.