Xtaqt nagħti prosit lill-Museum tan-Nadur tal-kunċert sabiħ tal-Milied li ppreżentaw fil-jum tal-Milied fil-għaxija fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur.

Rari tara daqshekk nies miġbura fil-knisja, tant li ma sibtx post kif xtaqt u iktar kont qed nisma’ milli nara dak li kien għaddej fuq il-palk li ntrema apposta fuq il-presbiterju tal-knisja.

Imma naf li tlaqqa’ kor numeruż minn fost it-tfal ħafna minnhom ċert li jiffrekwentaw il-klassijiet tad-duttrina li flimkien ma’ orkestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Antoine Theuma tawna madwar siegħa u tliet kwarti ta’ għana tal-Milied flimkien ma’ kantanti stabiliti Għawdxin taħt id-direzzjoni ta’ Mark Azzopardi mgħejun minn tant membri tal-Museum li flimkien mas-Superjur tal-Qasam Joe Camilleri ta’ kuljum jgħallmu l-katekiżmu lil tant tfal u żgħażagħ bla interessi ta’ xejn!

‘Il-flus mhux kollox’ kien ukoll skeċċ komiku li kompla żied id-doża ta’ ferħ f’Jum il-Milied li ħakmet lil dawk kollha li bħali attendew għal din is-serata ħelwa.  Fil-qasam tas-subien bħal dejjem Tonio Grech bena presepju kbir il-ġmiel tiegħu li nħeġġiġkom tmorru tarawh. Ċert li oqsma oħra tal-Museum imferrxa m’Għawdex ukoll organizzaw xi ħaġa simili lit-tfal tagħhom.

Fil-Victoria jien attendejt għall-purċissjoni bil-bambin lejliet il-Milied li organizzaw flimkien iż-żewġt oqsma tal-Museum mat-toroq tal-Kapitali li ntemmet fuq palk armat apposta quddiem  il-Banca Giuratale fejn ukoll ittella’ programm qasir mit-tfal.  Banda mmexxija minn Mor Franco Cefai ukoll ħadet sehem u kompliet tat il-ħajja lil din il-manifestazzjoni li kien bdiha l-fundatur tal-Mużew San Gorg Preca fil-Milied tal-1921.

Iktar tard fi Pjazza San Gorg Victoria wara l-quddiesa ta’ nofs il-lejl il-grupp mużikali ‘D Capitals’ ippreżentaw kunċert tal-Milied taħt id-direzzjoni ta’ Mro Ġorġ Apap.

Prosit ukoll lir-raħal ta’ San Lawrenz li għal ħamsin sena reġa’ organizza fir-raħal il-Pageant tal-Milied li ntemm fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali.

Fl-aħħarnett inħeġġiġkom taqbdu f’idejkom il-pubblikazzjoni tal-Milied li stampa l-Ministeru għal Għawdex u ssibu ħin tmorru żżuru l-għadd sabiħ ta’ Presepji (tnejn minnhom presepji ħajjin flimkien ma’ ‘Betlehem f’Għajnsielem’) li għandna mferrxa ma’ gżiritna.

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex