Id-Dentist Dr Herbert Messina-Ferrante tilef ħajtu l-lejl li għadda wara battalja ta’ 15-il sena mal-kanċer.

Huwa kien dentist magħruf ħafna, u kien membru-fundatur tal-Għaqda Ewropea tad-Dentistrija, għalliem u eżaminatur tad-dentistrija. Is-sena li għaddiet hu ngħata rikonoxximent mill-Għaqda Maltija tad-Dentistrija għall-50 sena ta’ ħidma u dedikazzjoni f’din il-professjoni.

Herbert Messina-Ferrante kien ukoll membru-fundatur tal-Għaqda tas-Self-Employed u president tagħha fis-snin 1970. Fis-Sliema Wanderers FC, hu kien President u kellu wkoll karigi oħrajn, fosthom rappreżentant fuq il-Malta Football Association fejn kien Viċi President u ppresieda wkoll diversi bordijiet.

Barra minn dan, kien ukoll kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard u ħadem għat-tim tal-futbol Sliema Wanderers FC. Messina-Ferrante ħadem ukoll fil-Partit Nazzjonalista bħala President tal-APAN.

Fl-2012, il-President Emeritu George Abela ħatru membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.

“Infern fl-art”

Skont Dione Borg, l-aħħar li kellem lil Messina-Ferrante dan qallu li għaddej minn uġigħ kbir, ta’ nfern fl-art. Borg qal li se jibqa’ jiftakru ta’ kemm kien ġentlom u tal-karattru mill-aqwa li kellu.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jean Pierre Debono sellem il-memorja tiegħu u qal li kien jinvolvi ruħu u qatt ma qagħad lura milli jagħti sehmu.

Il-PL u l-PN isellmu l-memorja tiegħu

F’2 stqarrijiet separati, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista sellmu l-memorja tad-dentist.

Il-President u l-Kumitat Eżekuttiv tal-APAN ingħaqad mal-kumplament tal-Partit Nazzjonalista biex juri s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Chev. Dr. Herbert Messina Ferrante, li kien president tal-assoċjazzjoni għal diversi snin.