Fl-aħħar jiem it-temp kien kemmxejn imħawwad speċjalment minħabba r-riħ qawwi li ħakem lill-Gżejjer Maltin.

Madanakollu jidher li r-riħ għal-lum se jbatti matul il-ġurnata. Skont l-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, dalgħodu r-riħ se jkun ftit qawwi għal qawwi mit-Tramuntana. Iżda mbagħad matul il-ġurnata jsir ħafif għal moderat mill-Majjistral it-Tramuntana.

It-temp se jkun ftit imsaħħab tul il-jum kollu, filwaqt li bassara indipendenti qed jgħidu li hemm ċans ta’ xi ħalbiet iżolati tax-xita.

Minkejja li waqaf ir-riħ, ma jfissirx li se tittaffa l-kesħa. Infatti, l-ogħla temperatura għal-lum hija ta’ 14-il grad celcius, filwaqt li l-inqas hija dik ta’ 9 gradi celcius.