Kienet tassew idea sabiħa u ta’ min ifaħħarha dik tas-Sezzjoni tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li torganizza kompetizzjoni għall-isbaħ presepju u b’hekk  tgħin finanzjarjament lil dawk li xtaqu jibnu u jesebixxu xi presepju matul il-jiem li għaddew għax b’hekk stajna ngawdu presepji tassew sbieħ imxerrdin ma’ parti kbira mill-gżira tagħna.

Dan seta’ jsir ukoll billi l-Uffiċċju tal-Kultura ppubblika lista ta’ dawn il-presepji bil-ħinijiet tal-ftuħ u fejn jinsabu. F’pajjiżna l-petrol mhux irħis u allura ħadd ma jieħu gost joqgħod jinqala’ u mbagħad forsi jsib xi presepju jew tnejn magħluqin!  Barra minn hekk mhux dejjem jirnexxilek issib il-Presepju mill-ewwel u allura mportanti li l-parteċipanti kollha jkollhom xi forma ta’ tabella (bil-lejl mixgħula) biex tiggwida lil dak li jkun.  Affarijiet żgħar li naħseb il-Kunsill jitlobhom u ma jiswewx wisq biex tagħmilhom.

Intant, sa minn meta kont għadni tifel f’dar ommi, jien trabbejt bil-presepju d-dar (ara ritratt) u kbirt b’din l-imħabba lejn dan il-wirt li nemmen qed ikompli jieħu l-ħajja anke bis-sehem li qed tagħti l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta l985 li fl-4 ta’ Ottubru li għadda għalqet 33 sena minn mindu twaqqfet fir-raħal ta’ San Lawrenz minn tlett sinjuri: Gorġ Borġ, il-Kan Dun Mikiel Borġ u Joe Galea li huwa l-President tal-Għaqda.

Għamilt mezz  li ma nitlifx iċ-ċans li mmur inżur dawn il-presepji u veru ma ddispjaċinix. Rajt kif għamilt u ksibt lista tagħhom u ta’ kull fl-għaxija kont naqbad il-karozza u nara xi ftit minnhom għax ngħid is-sewwa ma kenux ftit. Inkitbu għadd ġmielu ta’  presepji bejn statiċi u mekkaniċi.

Żgur li kien hemm iżjed imma ppreferew li ma jintrabtux bil-ħin tal-wiri. Wieħed minnhom kien żgur dak tal-presepista bravu Frankie Mizzi li joqgħod fil-bidu tal-Fontana li għandu presepju trid seba’ għajnejn biex tarah, presepju li ddur miegħu dawra mejt waqt li tisma’ wkoll kummentarju bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan. Qrib Pjazza Sant Wistin Salvinu Cremona mhux biss bena l-presepju imma żejjen ukoll il-faċċata ta’ daru li żejnet triq sħiħa u tefgħa ta’ ġebla bogħod dħalt fil-foyer tal-Oratorju Don Bosco biecx nara l-presepju tagħhom!

Intant il-presepji  li rajt kollha għoġbuni. Bdejt billi rajt dak ta’ Giovann Cassar li dis-sena bena ieħor fil-Knisja Katidrali. Mhux bogħod mill-presepuju ta’ Giovann  mort nara wkoll il-presepju mekkaniku għall-aħħar ta’ Joseph Attard ta’ Triq Sagħtar Victoria.  Bieb ma’ bieb il-Knisja ta’ San Franġisk fil-Victoria rajt ukoll presepju mekkaniku li għoġobni ħafna wkoll (ara ritratt) waqt li fil-Qasam tas-Subien tal-Museum fix-Xagħra nsibu presepju armat is-sena kollha li ta’ kultant tiżdiedlu wkoll xi ħaġa ġdida. Hawnhekk din id-dar  tfur bl-attivita’ dawn il-jiem qaddisa li kienu tant għal qalb il-Fundatur Dun Gorg Preca. Nibqgħu fix-Xagħra u l-presepju ta’ Victor Agius li jibni fid-dar tiegħu, ukoll jiġbed l-għajn; dan iż-żagħżugħ artist jagħti daqqa t’id ġmielħa lil għaqda f’raħlu biex tkompli tippromovi l-kultura tal-presepju, u din is-sena wkoll organizzat tour tal-Presepji fir-raħal. Fix-Xagħra wkoll Aaron Agius ta’ Triq Gajdoru tana presepju sabiħ flimkien ma’ oħrajn li jinsabu fil-Knisja Parrokkjali.

Fil-Qala,  għoġobni ferm ukoll il-presepju ta’ Anthony Bajada u ieħor fi Triq it-Tempju kif ukoll wirja ta’ Presepji fiċ-Ċentru Parrokkjlai tar-raħal Gużeppin. Il-Presepju fil-knisja Arċipretali kien ħelu wkoll. Hawnhekk qsamt it-triq u dħalt nara wkoll il-Presepju li għamlu fil-Qasam tas-Subien tal-Museum fejn issa għandhom lis-Sur Paul Grech bħala s-Superjur il-ġdid.  Fix-Xewkija fil-każin tal-football daħħluni nara presepju ħelu; bieb ma’ bieb rajt ukoll dak taċ-Ċentru Parrokkjali fejn jiltaqgħu ta’ kuljum għadd ta’ żgħażagħ.  Fil-Knisja Parrokkjali l-Arċipriet żamm bħas-soltu l-appuntament tiegħu wkoll kif ukoll taħt l-istess knisja.

Għoġobni mmens dak li bena fil-Bażilika ta’ San Gorg iż-żagħżugħ Gorġ Camilleri b’pasturi li nġabu minn Sqallija. Anton Sillato ma naqasx li jagħtina presepju sabiħ li bħalu għamel ieħor fuq wieħed mill-altari tal-Knisja ta’ San Franġisk. L-aħwa Emmanuel u Carmel Grech kienu responsabbli minn żewġ presepji – wieħed  f’darhom fi Triq il-Kapuċċini Victoria, u hawnhekk ta’min iżid li Manwel jagħmel ukoll il-pasturi tiegħu, u ieħor qrib il-Funtana tatTritoni fil-belt Valletta. Fiċ-Ċenru tal-Vokazzjonijiet fix-Xagħra reġa kien hemm presepju għal wiri flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ presepji li jibnu t-tfal.  Teddy Caruana mir-Rabat imma jgħix fix-Xagħra daħħalni nara l-presepju li bena fi Triq Vestru kif għamel ukoll Raymond Bonello li ħafna drabi ma jżarmax xogħlu qabel ma tkun daħlet sewwa s-sena l-ġdida.

Rajt presepju sabiħ ukoll fil-każin tal-Banda Victory.  Lill-Qasam tas-Subien fin-Nadur li tant ikun imżejjen u armat sabiħ dawn il-jiem mhux biss nifirħilhom għal Presepju kbir li jieħu kamra sħiħa imma wkoll għall-kunċert tal-Milied li għamlu fil-Bażilika tan-Nadur.

Inkomplu għaddejjin b’din il-karellata ta’ presepji. Lejla waħda mort Għajnsielem fejn naħseb li marru wkoll bosta mill-qarrejja biex iżuru l-presepju ħaj li dis-sena kompla jikber – Betlehem f’Għajnsielem!  Hawnhekk ukoll rajt għadd ta’  presepji ta’ valur, wieħed mibni mill-artist per eċċellenza Pawlu Stellini taħt il-Knisja Parrokkjali armat b’pasturi mprezzabbli li l-artist qed jixtri bil-mod mill-Italja (maghrufin bħala ta’ Landi) flimkien ma’ oħrajn tassew sbieħ.

F’Għajnsielem ukoll Matthew Zerafa bena presepju fi Triq Bengħasi u minn wara l-ħġieġ stajt nara wkoll il-presepju li għamlu l-patrijiet tax-Xatt.  Il-ħabib tiegħi Herman fil-Pjazza tas-Santwarju mill-ġdid żamm l-appuntament annwali tiegħu. Fiż-Żebbuġ, fejn ħalla l-karkura x-xitan, fuq ir-riħ tal-Qbajjar, David Xuereb bena għadd ta’ presepji li ma tixbax toqgħod tiflihom bir-reqqa! Fil-pjazza tar-raħal dħalt ukoll f’garage fejn rajt presepju tal-ġebel li fakkarni  f’Għawdex tal-imgħoddi meta gżiritna kienet  tfur bi presepji ta’ dix-xorta. L-Arċipriet il-ġdid t’hawnhekk ukoll tana presepju sabiħ fil-Knisja Arċipretali. Fix-xaqliba tan-Nazzarenu fix-Xagħra, taħt l-istess knisja rajt ieħor statiku sabiħ u nteressanti li kien hemm snin li kien ikun ukoll bix-xita nieżla.  Kemm fin-Nadur kif ukoll fix-Xagħra rajt żewġ presepji veru ħajjin li jsiru b’tant sagrifiċċju ta’ dawk li jieħdu sehem fihom.

Qabel nagħlaq ninsab ċert li ħafna minnkom sabu ħin imorru jaraw il-Wirja annwali ta’ Presepji li tagħmel l-Għaqda Hbieb tal-Presepju f’Ghawdex li   matul Mejju  tal-2010 kienet  ospitat fostna  għadd sabih ta’ Presepisti mill-Italja kollha li tpaxxew bil-presepji tagħna. Dan x’irnexxieli nara jien; żgur li ma rajtx kollox u allura prosit lil kull min ħa xi inizjattiva biex jissokta jxerred il-ferħ tal-Milied.

Kelllna wkoll diversi msieraħ flimkien ma’ Triq ir-Repubblika Victoria (li kienet tibqa’ sejra sax-Xatt tal-Imġarr) mixgħulin tajjeb kif ukoll xi toroq fl-irħula tagħna; ma’ dawn inżid il-Ġonna Pubbliċi ta’ Villa Rundle; u dan żgur  kompla jżid il-ferħ tal-Milied fil-poplu tagħna. Minħabba kwistjoni ta’ tul, ma tkellimtx dwar l-għadd sabiħ ta’ serati mużikali li kellna  fil-Victoria u f’diversi rkejjen ta’ gżiritna li bla dubju għalihom niesna saret tiffolla mhux ħażin. Għoġobkom dan il-post mortem!

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex