Il-Gvern ħareġ appell lill-anzjani biex iżommu ruħhom attivi, iżommu d-djar tagħhom sħan u jilbsu sew. Dan minħabba li fil-jiem li ġejjin it-temperatura se tkompli tinżel.

Għada mistennija tagħmel ħafna kesħa hekk kif l-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li t-temperatura se tinżel sa minimu ta’ 5 °C. L-ogħla temperatura mistennija tkun ta’ 9 °C.

Fi stqarrija, is-Segretarjat għall-Anzjanità Attiva qal li l-anzjani li se jkollhom bżonn joħorġu għandhom jilbsu lbies sħun u komdu filwaqt li dawk li se jibqgħu ġewwa jieħdu ħsieb li wkoll iżommu lilhom infushom sħan.

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis “ħeġġeġ lill-anzjani jieħdu xorb u ikel sħun bħal tè, kafè u sopop, iżommu ruħhom attivi u jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku għaliex dan jgħin biex iżommu sħan ukoll.”

Skont it-tbassir tat-temp, l-ogħla temperatura fil-gżejjer Maltin sa nhar il-Ħadd se tkun ta’ 14 °C. L-inqas se tkun ta’ 5 °C.

Fl-2017, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-anzjani huma faxxa ta’ nies l-aktar vulnerabbli għall-kesħa. Għaldaqstant il-kmamar li jgħixu fihom għandhom jinżammu sħan u b’temperaturi ta’ mhux inqas minn 21 grad matul il-ġurnata u 18-il grad matul il-lejl.