F’post fuq Facebook, Michael Briguglio qal li l-kwistjonijiet kurrenti fil-Partit Nazzjonalista jeħtiġilhom diskussjoni serja offline fl-istrutturi interni tal-partit fejn kull kunsillier ikun jista’ jgħid tiegħu.

Huwa qal ukoll li dan mhux mhux biss ikun tajjeb għall-familja tal-Kap tal-PN Adrian Delia iżda jkun għall-ġid tal-partit u biex ikun hawn oppożizzjoni b’saħħitha.

Sadanittant, Michael Briguglio iċċara ma’ Newsbook.com.mt illi meta fil-post tiegħu fuq Facebook semma “leadership race” kien qed jirreferi għall-kuntest għat-tmexxija ta’ meta rebaħ Delia. Huwa żied jgħid li dakinhar, bħal dejjem, huwa mexa mal-proċeduri tal-partit għax jemmen fid-demokrazija u għalhekk aċċetta t-tmexxija ta’ Delia.

Il-post fuq Facebook ta’ Briguglio li biddel wara madwar 30 minuta

Ilbieraħ Delia fetaħ kawża ta’ libell kontra s-sit elettroniku LovinMalta, wara li ħassu malafamat b’dak li kiteb dwaru ġurnalist tas-sit. Il-Kap Eżekuttiv u l-fundatur tas-sit LovinMalta, Chris Peregin f’post fuq Facebook qal li huwa kburi li jmexxi grupp ta’ ġurnalisti żgħażagħ li jaraw l-istorja minn kull angolu, jkunu kemm jista’ jkun trasparenti u moħħhom miftuħ.