Bosta swieq internazzjonali fl-2018 esperjenzaw waħda mill-iktar snin diffiċli tagħhom sa mill-aħħar kriżi finanzjarja, dan ħalla bosta investituri imħassba dwar il-futur bil-biża’ ta’ iktar negattività fix-xhur li ġejjin.

Analisti jgħidu li hemm diversi fatturi li qed iwassal għal dan fosthom tensjonijiet bejn l-
akbar żewġ ekonomiji, l-Amerka u ċ-Ċina, tħassib kontinwu li jitilqħu r-rati ta’ interess u kwistjonijiet ġeopolitiċi oħra fosthom Brexit. Iżda minkejja dan kien hemm għadd ta’ swieq partikolari li rnexxilhom jirreġistraw tisħiħ.

Skont analiżi li saret minn CNBC ġew elenkati l-aħjar u l-agħar swieq minn madwar id-dinja.

L-Ukrajna +80.39%
L-iktar indiċi tal-ishma li ssaħħaħ internazzjonalment kien dak tal-Ukraina fejn esperjenza tkabbir ta’80 fil-mija, dan minkejja episodji ta’ diżgwid politiku mar-Russja.

Il-Maċedonja +30.41%
L-indiċi tas-swieq tal-Maċedonja kellu tkabbir ta’ 30.41%, dan wara li kien hemm żblokk politiku fil-kwistjoni mal-Greċja li ilha għaddejja snin twal dwar l-isem tal-pajjiż.

Qatar +20.87%
Intant l-indiċi tas-swieq tal-Qatar ra żieda ta’ 20 fil-mija f’termini ta’ denominazzjoni tad-dollaru Amerikan fl-2018. Il-Qatar ftit tal-ġranet ilu temm is-sħubija tiegħu fost il-pajjiżi tal-OPEC, sħubija li ilha iktar minn nofs seklu.

Venezwela -94.89%
Il-problemi politiċi tefgħu lil Venezwela f’baħar ta’ inkwiet ekonomiku. L-indiċi tas-suq tal-ishma fil-Venezwela esperjenza l-ikbar tnaqqis internazzjonalment fejn irreġistra telf ta’ 94.89 fil-mija. Dan minkejja li l-Venezwela huwa wieħed mill-iktar pajjiżi sinjuri fiż-żejt.

L-Arġentina -50.2%
L-Arġentina batiet biex tkampa ma’ kriżi finanzjarja oħra fl-2018. L-indiċi tal-ishma fil-pajjiż għalaq bi tnaqqis ta’ 50 fil-mija fl-2018. Is-swieq emerġenti ħassew id-diffikultà minħabba d-deċiżjoni tar-Riserva Federali Amerikana li għolliet il-valur tad-dollaru biex b’hekk wasslet għal diffikultajiet kbar biex jitħallsu id-djun li kellhom dawn is-swieq emerġenti fid-dollaru.

It-Turkija -43.35%
It-Turkija wkoll esperjenzat diffikultajiet tant li l-indiċi irregistra tnaqqis ta’ 43.55%. Diżgwid bejn il-President Tork Recep Tayyip Erdoğan u l-bank ċentrali tal-pajjiż ikkontribwixxa għal dan it-telf, flimkien ukoll ma’ tensjonijiet politiċi ma’ Washington li wasslu biex jiddgħajfu assi Torok.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250.
Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.