Żagħżugħ li għandu biss 25 sena ħareġ bl-invenzjoni ta’ nuċċali li jgħin persuni għomja “jaraw” dak li hemm madwarhom.

Cornel Amariei mir-Rumanija tkellem ma’ Newsbook.com.mt f’intervista li saret waqt avveniment tal-għaqda Junior Chamber International fl-Indja u spjega eżattament kif jaħdem dan in-nuċċali. Hu ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-10 żgħażagħ ta’ ispirazzjoni minn madwar id-dinja għall-2018.

Amariei qal li bħalissa, l-unika soluzjoni fid-dinja li tgħin persuni għomja jiġu iggwidati fil-ħajja ta’ kuljum huma l-klieb gwida li minnhom hawn biss 20,000 fid-dinja. Dan sostna li huwa numru żgħir ħafna meta wieħed jikkumparah mal-40 miljun persuna għamja li hawn fid-dinja.

Spjega kif l-apparat li ddisinja hu flimkien ma’ xi persuni oħrajn, bl-isem ta’ Lumen, jidher eżatt bħal nuċċali, iżda ma għandux l-istess funzjonijiet. Kompla jgħid li l-Lumen jifhem l-ambjent madwar il-persuna li qed tużah, jifhem id-distanza, l-għamla tal-oġġetti fil-madwar u saħansitra anke l-movimenti. Qal li b’dan il-mod, anke jekk ikun hemm moviment, in-nuċċali jkun jista’ jidderiġi lill-persuna biex tifhem liema direzzjoni sejjer l-oġġett.

Ma’ Newsbook.com.mt Amariei irrakkonta kif mhu se jinsa qatt meta sena biss wara li bdew jittestjaw din l-invenzjoni ra persuna għamja taqbad ballun li twaddbilha bis-saħħa tan-nuċċali li gwidaha.

“Twilidt f’familja partikolari”

Mistoqsi dwar x’kien li ispirah sabiex jaħdem fuq invenzjoni tat-tip, Amariei spega li hu twieled f’familja partikolari fejn il-ġenituri tiegħu it-tnejn li huma għandhom kundizzjoni li ma tippermettix ċerti movimenti tal-ġisem. Sostna li l-ewwel intenzjoni tiegħu kienet li jsib mod kif jista’ jgħinhom.

“Meta titwieled f’familja li hija differenti mill-oħrajn issir kurjuż u tibda tistaqsi għaliex il-familja tiegħek hija differenti, għaliex darek hija differenti, u minn hemm bdejt nitgħallem u nitgħallem u dan inbidel f’passjoni biex nikkreah,” kompla jgħid.

Kull sena, l-għaqda Junior Chamber International (JCI) tonora 10 persuni minn madwar id-dinja kollha għax-xogħol umanitarju tagħhom. Fl-2018 is-serata tal-ippremjar saret fl-Indja fejn kien hemm preżenti wkoll ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt.

Aqra: Filmat: “Gradwati bla xogħol jgħallmu fid-djar ta’ tfal bla skola”