Daniel Bezzina

Rivista li ilha mis-seklu li għadda tagħti opportunità lill-kittieba ġodda biex jiġu ppubblikati hija Leħen il-Maltirivista tal-Għaqda tal-Malti – Università, li għadha tiġi ppubblikata sal-lum il-ġurnata. Kienu bosta l-kittieba li jafu l-bidu tal-karriera tagħhom lil din ir-rivista, u fost it-tiżwiq ta’ kittieba magħrufa li ppubblikaw fiha nsibu lil kittieba Romantiċi bħal Dun Karm Psaila, għal oħrajn Moderni bħal Oliver Friggieri u Victor Fenech, għal kittieba kontemporanji bħal Clare Azzopardi u Rita Saliba.

Leħen il-Malti huwa rivista tal-Għaqda tal-Malti – Università li ilha tiġi ppubblikata mill-bidu tal-Għaqda fl-1931. L-ewwel editur tagħha kien il-poeta magħruf Rużar Briffa, peress li kien il-President tal-Għaqda tal-Malti wkoll. Tul is-snin, ġew ippubblikati 37 edizzjoni ta’ din ir-rivista, peress li waqfet għal xi żmien, u bħalissa, il-Bord Editorjali preżenti qed jilqa’ kitbiet għat-38 edizzjoni.

Ir-rivista kienet wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-fundaturi tal-Għaqda tal-Malti Rużar Briffa u Ġużè Bonnici, li llum nafuhom bħala kittieba prominenti, iżda dak iż-żmien kienu studenti tal-mediċina, li xtaqu li bħalma kien hemm l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) għall-kittieba ikbar, ikun hemm ukoll għaqda li tippromwovi l-kitba taż-żgħażagħ.

Dawk interessati jistgħu jibagħtu sa 3 kitbiet oriġinali li ma jridu jkunu dehru mkien qabel fuq sottomissjonijiet@gmail.com sas-7 ta’ Frar. Il-kitba tista’ tkun poeżija, proża, traduzzjoni jew kitba akkademika.

Aktar dettalji hawn. 

L-Editriċi Ġenerali ta’ din il-ħarġa hija Sephora Francalanza, il-President tal-Għaqda. Il-membri tal-Bord Editorjali huma Claire Gouder, it-Teżoriera, Amy Camilleri, Dorianne Bonello, Rowena Calleja, Kristina Polidano, Gabriel Schembri, Noel Tanti, Mark Vella u MariaElena Zammit.