Il-patrijiet tal-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajnsielem flimkien mal-Fondazzjoni Papa Gwanni Pawlu t-Tieni (li f’Mejju tal-1990 kien qaddes fuq iz-zuntier tas-Santwarju nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu) nhar il-Gimgħa filgħaxija 4 ta’ Jannar ippreżentaw fil-Knisja tal-Qaddis patrun Il-Kunċert tal-Epifanija li fih il-kantanti popolari Miriam Christine Borg u Victorio Gauci qasmu l-Fliegu u kantaw għadd sabiħ ta’ Christmas carols, fosthom is-‘Silent Night’ (li dis-sena qed tagħlaq 200 sena minn mindu nkitbet), ‘Twieled il-Messija’, ‘F’Lejl tax-Xitwa’, ‘O come all ye Faithful’, ‘Qed Jinfirex mal-Widien’, ‘When a Child is born’, ‘O Holy Night’, ‘Ninni la Tibkix iżjed’ miktuba mill-Ġiżwita Patri Indri Schembri li twieled fl-1805,  ‘The first Noel’, ‘Away in a Manger’, u ‘We Three Kings’.

Ritratt: Alain Salvery

Ma’ dawn il-għanjiet popolari tal-Milied, id-duo Borġ u Gauci akkumpanjati fuq l-organu minn Miriam Christine, kantaw ukoll numru sabiħ ta’ għanjiet maltin familjari mas-semmiegħa preżenti fosthom ‘L-Għanja tal-Ħolqien’ billi konna ninsabu fi knisja Franġiskana, ‘You Raise me Up’, ‘Panis Angelicus’, ‘Bil-qawwa ta’ mħabbtek’, ‘As I kneel before You’, ‘L-Ave Maria’ ta’ Shubert , ‘Amazing Grace’, ‘The Prayer’, ‘How Great Thou art’ u oħrajn li niżlu tant tajjeb ma’ dawk preżenti għalkemm stajt ninnota li ħafna Għajnselmiżi ppreferew joqogħdu għas-sħana ta’ darhom isegwu l-kunċert minn fuq l-istazzjon tal-Komunita’ Radju Lauretana billi ħarġet lejla xxoqq il-għadam.

Ritratt: Alain Salvery 

Ħadt gost nippreżenta din is-serata quddiem għadd ġmielu ta’ Għawdxin, Maltin u xi barranin kif ukoll fil-preżenza tal-Maġistrat fil-Qrati t’Għawdex,  Dr Coppini u s-sinjura tiegħu u l-Gwardjan ta’ din il-Komunita Franġiskana Fr Joe li fetaħ is-serata b’messaġġ ta’ awguri u ta’ radd il-ħajr.

Kav Joe M Attard