Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-messaġġ li bagħat fuq WhatsApp fejn għamel referenza għal “gwerra” huwa kien qed jirreferi għat-taqtiegħa elettorali li l-Partit Nazzjonalista qed jissielet fil-kuntest Ewropew. Huwa qal li dan il-messaġġ sar bl-intenzjoni li jagħmel kuraġġ lill-membri tal-PN.

Delia qal dan ma’ Newsbook.com.mt wara li kien żvelat messaġġ li huwa bagħat lil numru ta’ uffiċjali tal-PN it-Tnejn fil-5 am. Fil-messaġġ, Delia qal li żmien il-Milied spiċċa u li issa huwa żmien ta’ gwerra.

Delia qal li l-messaġġ intbagħat fi grupp li mhux miftuħ għall-pubbliku. Qal li l-idea tal-messaġġ hija ċara. Żied jgħid li huwa evidenti li hawn min fil-mument li jara lill-PN u lilu jżidu fil-popolarità, jagħmel min kollox biex jerġa’ jattakka. Qal li huwa importanti li l-partit iħejji ruħu għal dawn l-“attakki”.

Delia qal li fl-aħħar ġranet bagħat diversi messaġġi u dar diversi każini biex jagħmel kuraġġ lin-nies. Qal li l-appoġġ li rċieva kien enormi. “Jekk qed nitkellmu dwar il-midja soċjali, kien rekord assolut ta’ risposti li kellna,” qal Delia.

Delia spjega li l-gwerra li rrefera għaliha hija waħda metaforika. Qal li jinsabu ftit xhur ‘il bogħod minn appuntament elettorali importanti. Il-gwerra, skont Delia, tirreferi għal gwerra ta’ ideat u battalja biex il-PN jerġa’ jikseb appoġġ elettorali.

“Min mhux wara l-Kap mhux postu fil-partit” – Delia

Adrian Delia qal li min mhux wara l-kap, mhux postu fil-partit. Delia qal li ma jaħsibx li bħalissa l-problema tal-PN huwa hu nnifsu.

Dwar il-messaġġi u filmati li qed iduru fuq WhatsApp dwaru, Delia qal li jaħseb li min qed ixerred dawn il-messaġġi qed jipprova jdgħajjef lill-PN u mhux qed jagħmel ġid għal pajjiż. Dwar il-filmati li qed iduru fuq WhatsApp Delia qal li “wħud jekk mhux kollha” huma editjati ħafna. Qal li fid-dinja kulħadd jgħaddi minn problemi fil-familja. Insista li għandu l-abbiltà li jsolvi l-problemi tiegħu filwaqt li jagħmel xogħolu bħala l-Kap tal-PN.

Delia qal li kemm il-kummitat amministrattiv u kif ukoll l-eżekuttiv tal-PN għandhom jiltaqagħu biex jippreparaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Mistoqsi jekk jiċħadx li qatt kien involut f’każ ta’ vjolenza domestika, Delia qal li mhux se jkun qed jitkellem dwar affarijiet b’rabta mal-każ ta’ separazzjoni tiegħu peress li ntlaħaq qbil ma’ martu biex dan ma jsirx.