Il-footballer Ingliż Wayne Rooney ġie arrestat għax kien fis-sakra fil-pubbliku wara li ħallat pilloli tal-irqad mal-alkoħol waqt li kien fuq titjira.

Skont il-BBC l-eks-kaptan tat-tim nazzjonali Ingliż u tal-Manchester United ġie arrestat fis-16 ta’ Diċembru fl-Ajruport Internazzjonali Dulles f’Virginia wara li rritorna minn vjaġġ ta’ ġurnata fl-Arabja Sawdija.

Rooney li għandu 33 sena ntalab iħallas multa ta’ $25 u spiża ta’ $91 fl-4 ta’ Jannar skont dokumenti tal-Qorti tal-Qorti ta’ Loudoun.

Kelliem għal Rooney spjega li waqt it-titjira, Rooney ħa numru ta’ pilloli tal-irqad li huma preskritti għalih filwaqt li kien qed jixrob l-alkoħol. Dan wassal sabiex hu jħossu diżorjentat mal-wasla tiegħu fl-Istati Uniti. Qal li hu mbagħad ġie avviċinat mill-pulizija fuq akkużi sempliċi.

Rooney bħalissa qed jilgħab għal DC United. Hu kien ġie pprojbit milli jsuq għal sentejn f’Settembru tal-2017 wara li ammetta li kien qed isuq waqt li taħt l-influwenza tal-alkoħol f’Cheshire. Hu mar jgħix fl-Istati Uniti f’Ġunju tal-2018 wara li ffirma kuntrat ta’ tliet snin u nofs ma’ DC United.