L-ewwel episodju LIVE ta’ X’Factor wassal għall-eliminazzjonijiet ta’ żewġ kontestanti il-grupp Kayate u l-kantant magħruf Franklin.

L-akbar kontroversja qamet wara t-tkeċċija tal-kantant Franklin fejn bosta insistew li kien żball kbir. Kif bosta segwaċi ta’ X-Factor jafu, l-eliminazzjoni finali ta’ programm issir wara Sing-Off bejn iż-żewġ kontestanti li jkunu ġabu l-inqas voti. F’dan il-każ kienu Franklin mit-tim tal-Overs immexxi minn RayMercieca, u l-grupp Xtreme mit-tim immexxi minn Alexandra Alden.

Waqt is-Sing-Off, Franklin kanta l-kanzunetta Clown ta’ Emile Sande, filwaqt li l-grupp Xtreme kantaw il-kanzunetta Take Me Home ta’ Jess Glynne. Franklin ġab il-vot ta’ Ray Mercieca, filwaqt li Xtreme ġabu l-voti ta’ Alexandra Alden, Ira Losco u anke dak ta’ Howard Keith Debono.

Intant, fuq il-paġna ta’ Facebook, bosta telespettaturi kkritikaw ir-raġuni għaliex Franklin intbagħat id-dar, partikolarment minħabba l-kumment ta’ Howard Keith Debono, li sostna li mhux sew li sseħħ eliminazzjoni ta’ żewġ gruppi f’serata waħda. Oħrajn ikkritikaw lill-pubbliku u sostnew li jekk riedu ma jiġix eliminat Franklin kulħadd kellu ċ-ċans li jivvotalu u messu ħa dan iċ-ċans.