Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandux futur, jekk b’futur wieħed jifhem rebħa elettorali, skont l-opinjonista Ranier Fsadni.

Fsadni qal dan waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM bi preżentazzjoni ta’ Fr Joe Borg. Skont Fsadni, meta Adrian Delia kien qed jikkontesta għall-kariga tiegħu sab l-appoġġ ta’ ħafna nies li ħasbu li l-kompetituri ta’ Delia ma kellhomx ċans jirbħu elezzjoni ġenerali. Dawn in-nies dehrilhom li b’Delia kellhom ċans jirbħu. Fsadni żied jgħid li bl-aħħar żviluppi fi ħdan il-PN miżjudin mas-sitwazzjoni li diġà kienet hemm, Delia m’għandux ċans jirbaħ.

Delia m’għandux jirreżenja – kummentaturi

Fil-bidu tal-programm Fsadni ġie mistoqsi dwar il-kummenti li saru fis-Sunday Times of Malta fil-jum ta’ qabel. Id-Dekan tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Prof. Dominic Fenech, l-eks editur ta’ The Sunday Times, Laurence Grech, u l-lecturer Dr George Vital Zammit kollha qalu li Delia m’għandux jirreżenja.

Il-perċezzjoni tal-pubbliku – Fsadni

Fsadni ddistingwa bejn tliet aspetti: l-ewwel dak li veru ġara, it-tieni jekk Delia jistax ikampa, u t-tielet x’inhi l-perċezzjoni tal-pubbliku.

Qal li l-filmati li bdew jiċċirkolaw ma tpoġġewx f’kuntest, m’humiex pruvati, u huma biss allegazzjonijiet u li trid tkun il-Qorti biex tipprova jekk humiex veri jew le. Qal li jista’ jkun li Delia jikkontrolla dak li qed jiġri. Però dawn il-filmati qed jagħmlu ħsara lil Delia għax qed joħolqu opinjonijiet dwar il-karattru ta’ Delia u kif jaħdem taħt il-pressjoni.

Imma Delia qal li ħafna mill-filmati kienu editjati?

“Irrispettivament dwar jekk il-filmati humiex editjati, kienet stampa ta’ kif Delia jirreaġixxi taħt pressjoni serja,” qal Fsadni. Qal li wieħed jistaqsi jekk iridx prim ministru bħal Delia, għax f’dik il-kariga jkun hemm ħafna pressjoni.

Ħażin fuq iż-żewġ naħat

Fsadni qal li d-diskussjoni fuq il-midja soċjali spiċċat f’żewġ kapijiet- dawk favur u dawk kontra Delia. Qal li t-triq tan-nofs ġiet injorata. Qal li f’din il-kwistjoni m’hemmx naħa tajba u oħra ħażina iżda li ż-żewġ naħat għandhom il-ħażin.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ bl-Ingliż minn hawn.