Tliet pitturi tas-seklu 18 li jinsabu fil-Kurja tal-Arċisqof ġew restawrati u se jkunu nawgurati nhar il-Ġimgħa. It-tliet pitturi juru x-xbihat tal-Immakulata Kunċizzjoni, tal-Madonna tar-Rużarju mal-qaddisin Duminkani u tal-Missier Etern.

Fi stqarrija l-Kurja spjegat li l-istorika tal-arti Theresa Vella se tkun qed tagħti apprezzament kritiku dwar dawn il-pitturi filwaqt li r-restawraturi Valentina Lupo u Maria Grazia Zenzani mid-ditta Atelier del Restauro se jkunu qed jagħmlu preżentazzjoni tax-xogħol ta’ restawr li sar matul l-aħħar sena.

L-inawgurazzjoni ser issir nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Jannar fis-6.30pm fil-Kurja, il-Furjana.

Il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni sar bl-għajnuna ta’ APS Bank.