Il-Ħamis li għadda mara xtrat żarbun lil bintha mill-Eurosport sabiex tużah l-iskola, dan insteraq minn persuna. Kienu l-impjegati tal-ħanut li identifikawha meta din marret fil-ħanut sabiex tibdlu f’size differenti.

Fuq il-grupp ta’ Facebook Are You Being Served? l-omm spjegat kif nhar il-Ħamis li għadda xtrat żarbun lil bintha u wara ħaditha tara film. Spjegat li waqt li kienu hemm, xi ħadd ħa l-basket tagħha biż-żarbun il-ġdid. Spjegat li mbagħad marret lura l-Eurosport u spjegat x’kien ġara, filwaqt li reġgħet ordnat par ieħor għax bintha kellha bżonnu għall-iskola.

Intant, spjegat kif il-ħanut qagħad attent jekk iż-żarbun partikolari jiġix irritornat. Kien hemm li daħlet mara sabiex tibdel is-size taż-żarbun. L-impjegata li kienet se tassistiha qaltilha li ż-żarbun kien ġie rrappurtat misruq lill-ħanut. Qalet li l-mara mbagħad beżgħet u ħarbet mill-ħanut.

Hi faħħret lill-ħaddiema tal-Eurosport talli kienu daqshekk effiċjenti magħha.