Ġew inawgurati l-uffiċini l-ġodda tal-Aġenzija LESA fil-Fgura mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan wara li f’Mejju li għadda l-uffiċjali tal-komunità ġew trasferiti kollha f’dipartiment li jagħmel parti mill-aġenzija governattiva LESA.Dawn l-uffiċini huma parti mir-riforma li qed issir f’dan is-settur. F’Ottubru li għadda l-uffiċjali tal-komunità ngħataw ukoll uniformi ġdida.

Il-Prim Ministru qal li l-uffiċjali tal-komunità qegħdin hemm mhux biss biex ikunu gwardjani tal-liġijiet tat-traffiku u dawk ambjentali jew biex jimmaniġjaw siti ta’ kostruzzjoni u jmorru fuq il-post meta jkun hemm xi ħabta bejn il-karozzi, imma li qegħdin hemm biex fuq kollox jedukaw.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li b’dan ix-xogħol qed ikompli jsaħħaħ il-ħidma u l-impenn tal-Gvern. Huwa qal li b’dan l-investiment l-uffiċjali tal-komunità ikunu jistgħu joffru servizz aħjar filwaqt li l-pubbliku ikun jaf bix-xogħol siewi li jagħmlu.

Preżenti wkoll kien hemm l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Aġenzija Raymond Zammit sostna li dan il-post il-ġdid se jiġbor fih dak kollu li jiġi rrapurtat u se jassigura s-suċċess mixtieq għall-futur.

Waqt l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis.

L-uffiċini l-ġodda tal-LESA jinsabu f’246, Mater Boni Consili Street, Fgura, FGR 1611.