Il-Papa Franġisku jżur il-morda fi sptar

Fil-11 ta’ Frar il-Knisja tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Morda. L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, kif jagħmel f’okkażżjonijiet simili, ippubblika diġa’ l-messaġġ tal-Papa Franġisku għal din l-okkażżjoni. Fih qal li dawk li jikkuraw lill-morda u jagħtu lilhom infushom b’ġenerożità u mħabba safja, kif għamlet Madre Tereża ta’ Calcutta, huma fost l-aqwa evanġeliżaturi li għandha l-Knisja.

Il-Jum Dinji tal-Morda twaqqaf mill-Papa San Gwanni Pawlu II fl-1993 biex ikun ċelebrat fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes.  Kull sena jingħażel post differenti biex isiru ċ-ċelerazzjonijiet speċjali u din is-sena ingħażlet Calcutta, fl-Indja.  Għalhekk ma setax jonqos li fil-messaġġ tiegħu tal-okkażżjoni l-Papa Franġisku jitkellem dwar Santa Tereża ta’ Calcutta li hi mudell tal-karità li uriet l-imħabba li għandu Alla għall-fqar u l-morda.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa  qal li hekk kif il-ħajja hi rigal minn Alla, wieħed ma jistax iqisha bħala xi ħaġa personali jew proprjetà privata. “Il-kura tal-marid tinħtieġ professjonaliżmu, tjubija u ġesti sempliċi bħalma hi xi karezza li bihom il-morda jħossuhom maħbuba”.

Qudiem il-kultura ta’ ħela u indifferenza li qed naraw illum, ir-‘rigal’ hu l-aħjar mod kontra l-individwaliżmu u l-frammentazzjoni soċjali filwaqt li jgħinha nibnu relazzjonijiet ġodda u kooperazzjoni bejn popli u kulturi differenti. “’Ir-rigal’ hu aktar minn sempliċement għotja imma jinvolvi l-għotja tagħna nfusna u x-xewqa li nibnu relazzjoni. ‘Rigal’ hu riflessjoni tal-imħabba t’Alla li laħqet il-qofol fl-Inkarnazzjoni ta’ Ibnu u l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu”.

Papa Franġisku qal li meta nagħrfu l-limitazzjonijiet tagħna “iżommna umli u jgħinha nipprattikaw is-solidarjetà bħala virtù essenzjali tal-ħajja”.

Hu ħeġġeġ lil dawk li jemmnu biex b’mod responsabbli jaħdmu biex jippromwovu dak li hu tajjeb u nnota li “hu biss jekk naraw lilna nfusna f’relazzjoni fraterna mal-oħrajn li nistgħu niżviluppaw prattika soċjali ta’ solidarjetà mmirata lejn il-ġid komuni. Fl-istess waqt ħadd ma għandu jibża’ iqis lilu nnifsu bħala wieħed li għandu bżonn l-għajnuna tal-oħrajn għax indivdiwalment u weħidna ma nistgħux negħlbu l-limitazzjonijiet tagħna.

“Tibżgħux tagħrfu dawn il-limitazzjonijiet għax Alla nnifsu, f’ Ġesù, b’umiltà niżel u sar bħalna u fil-faqar tagħna jgħinna u jagħtina rigali aktar milli nistgħu nimmaġinaw”.

Fil-messaġġ il-Papa tkellem dwar Santa Tereża ta’ Calcutta. Fl-aspetti kollha ta’ ħajjitha, ferrxet b’ġenerożità il-ħniena divina u poġġiet lilha nnifisha għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd permezz tad-difiża tal-ħajja umana tat-trabi mhux imwielda, ta’ dawk abbandunati u mwarrba. Hi tbaxxiet quddiem dawk li kienu spiċċuti u mitluba jmutu fit-toroq għax fihom rat id-dinjità umana li tahom Alla. “Il-vuċi tagħha dwiet mal-potenzi kollha tad-dinja biex jagħrfu l-ħtija tad-delitti tagħhom bil-faqar li ħolqu”.

Papa Franġisku ddeskriva l-missjoni ta’ Madre Tereza fil-periferiji bħala xiehda qawwija ta’ kemm Alla hu qrib l-ifqar fost il-fqar. “Santa Madre Tereża tgħinha nifhmu li l-uniku kriterju li naħdmu bih għandu jkun l-imħabba għal kull uman, bla distinzjoni ta’ lingwa, kultura, reliġjon jew oriġini etnika”.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa faħħar ukoll il-ġenerożità ta’ ħafna voluntiera involuti fil-qasam tal-kura tas-saħħa li juru tant tajjeb l-ispiritwalità tas-Sammaritan it-Tajjeb. Hu rringrazzja lill-ħafna assoċjazzjonijiet ta’ voluntiera li huma mpenjati f’oqsma partikolari tal-kura inkluż dawk li jġibu ‘l quddiem id-drittijiet tal-marid u jinkoraġixxu l-prevenzjoni tal-mard.

Ħafna nies li huma morda, weħidhom, anzjani u dawk fraħli mentalment u fiżikament, jibbenefikaw mis-servizzi ta’ dawn il-voluntiera  u għalhekk il-Papa ħeġġiġhom biex ikomplu jkunu sinjal tal-preżenza tal-Knisja f’dinja sekularizzata: “Ix-xogħol volontarju joffri valuri, imġieba u stili ta’ ħajja, ġejjin minn xewqa kbira li nkunu ġenerużi u mezz kif nagħmmlu l-kura medika aktar umana.”

Il-Papa rringrazzja wkoll istituszzjonijiet Kattoliċi fil-Kura tas-Saħħa għas-servizz tagħhom għax huma “msejħa biex jagħtu eżempju ta’ ġenerożità u solidarjetà u wissihom biex ikunu attenti min-nasba li jirriduċu ruħhom f’sempliċi negozju. Is-saħħa hi teżor li jista’ jitgawda biss meta naqsmuh mal-oħrajn. Il-ferħ li ġġib il-ġenerożità hu t-termometru tas-saħħa tan-nisrani.”

Fl-aħħar tal-messaġġ il-Papa Franġisku ħeġġeġ lil kulħadd, f’kull livell biex jippromwovi kultura ta’ ġenerożità li hi indispensabbli biex negħlbu kultura tal-profitt u tal-ħala.