L-Arċisqof Helder Camara meqjus bħala missier it-Teoloġija tal-Liberazzjoni

20 sena wara mewtu, fil-Brażil ingħalqet l-ewwel fażi fil-proċess ta’ kanoniżazzjoni tal-Arċisqof Helder Camara li baqa’ magħruf l-aktar għat-Teoloġija tal-Liberazzjoni li kien jippriedka u jipprattika.

Patri Jociel Gomes, il-Postulatur tal-kawża tiegħu qal li “Helder Camara jħeġġiġna biex ma ninsewx lill-fqar, l-emarġinati u lil dawk li huma bla difiża”.

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenith” tikkwota minn intervista li Patri Gomes ta lill-gazzetta “Avvenire” li toħroġ mill-Konferenza Episkopali Taljana, fejn qal li “Aħna l-insara irridu niġġieldu għad-drittijiet ta’ dawk li m’għandhomx vuċi, għal min qed isofri u għal min hu oppress. Irridu nkunu mpenjati biex nipprattikaw il-paċi u l-ġustizzja”.

Dom Helder Camara miet fl-1999 u hu kunsidrat bħala missier it-Teoloġija tal-Liberazzjoni li tagħmel enfasi qawwija fuq id-drittijiet umani, id-demokrazija u d-drittijiet tal-fqar. Hu kien jippriedka dwar dan tul id-dittatura militari fil-Brażil u minħabba f’hekk kemm il-darba kien mhedded li joqtluh.

Illum it-Teoloġija tal-Liberazzjoni hi integrata fit-tagħlim soċjali tal-Knisja u l-Papa Franġisku spiss jirreferi għaliha fid-diskorsi tiegħu.

L-Arċisqof Camara twieled fl-1909 u kien ordnat saċerdot fl-1931.  Fl-1952 sar Isqof Awżiljarju ta’ Rio de Janeiro.  Hu kien ħa sehem fis-sessjonijiet kollha tal-Konċilju Vatikan II u jingħad li ta kontribut siewi għall-kontenut tal-Enċiklika Gaudium et Spes li kienet ħarġet wara dak il-Konċilju u meqjusa bħala dokument importanti dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum.

Minkejja li kellu fama ta’ ribell, dejjem appoġġja lill-Papa bħala Kap tal-Knisja Kattolika tant li wara l-pubblikazzjoni tal-Enċiklika Humanae Vitae li kien affermat it-tagħlim kontra l-kontroll artifiċjali tat-twelid, kien wieħed mill-ewwel li feraħ lill-Papa Pawlu VI għal dan id-dokument.

Quddiem diversi sejħiet biex ineħħi lil Helder Camara minn Isqof, il-Papa Pawlu VI dejjem appoġġjah u meta sar il-Kolp ta’ Stat fil-Brażil minn Isqof Awżiljarju innominah Isqof ta’ Recife, kariga li baqa’ jżomm sakemm spiċċat id-dittatura f’dan il-pajjiż tal-Amerika Latina.

Helder Camara ma kienx jiddejjaq li ħafna kienu jiddeskrivuh bħala “Soċjalist” għax kien jgħid li s-soċjaliżmu tiegħu kien wieħed speċjali. Soċjaliżmu li jirrispetta l-persuna umana u bażat fuq l-Evanġelju.

Il-Postulatur tal-kawża tiegħu, fl-intervista mal-‘Avvenire” jsostni li Helder Camara u l-Arċisqof Oscar Romero kienu pijunieri ta’ dak li llum jippriedka l-Papa Franġisku: Knisja li toħroġ biex tiltaqa’ anke ma’ dawk fil-periferija.

Hu qal li “ma nafux kemm se jtul il-proċess għall-kanoniżazzjoni imma min-naħa tiegħu se nibqa’ impenjat li nsegwi skrupolożament u b’ħeffa l-indikazzjoni tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin, biex dan iż-żmien jiqsar kemm jista’ jkun. Aħna anzjużi li x-xhieda ta’ qdusija ta’ Helder Camara tkun magħrufa mad-dinja kollha”.