L-Ombudsman iddeċieda li l-Awtorità tal-Ippjanar qabżet il-linja meta ħallset €8,750 biex membru tal-Bord titwassal Malta minn Sqallija b’jet privat biex tivvota għall-iżvilupp mill-Grupp db fis-sit fejn kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Pembroke.

Inġabet b’jet biex tivvota favur il-proġett tad-db

Kien Newsbook.com.mt li f’Ottubru li għadda żvela li membru tal-bord, Jacqueline Gili kienet fuq btala mal-familja u nġabet Malta u twasslet lura Sqallija permezz ta’ jet. L-Eks Chairman ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola talab lill-Ombudsman biex jinvestiga.

L-Awtorità tal-Ippjanar għażlet li tħallas €8,750 flok €210

L-Ombudsman saħaq li “la l-Awtorità u wisq anqas l-Eżekuttiv m’għandhom jintervjenu biex membri tal-Bord tal-Awtorità jkunu preżenti għal-laqgħat. Dan jikkonforma mal-prinċipju bażiku li kull membru tal-Bord għandu jitħalla fil-libertà li jattendi l-laqgħa u li jisma’ lid-diversi rappreżentanti u finalment jiddeċiedi fil-ħin tal-votazzjoni. Kull indħil fi kwalunkwe parti tal-proċess tista’ tiġi interpretata li kien hemm influwenza fuq il-membru tal-Bord”.

L-Ombudsman għamel żewġ rakkomandazzjonijiet, li ċ-Chairman Eżekuttiv jassumi rwol li jirrakkomanda u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Bord, kif ukoll li l-membri kollha tal-Bord għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu preżenti għal-laqgħat u li għandhom jinfurmaw lis-Segretarju tal-Bord minn żmien adekwat jekk ma jkunux jistgħu jattendu, jew jekk ikollhom problemi ta’ trasport. Insista li l-membri għandhom jitħallew liberi u taħt l-ebda ċirkustanza m’’għandhom jaċċettaw insistenza li jattendu jew le.

Il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità aċċetta r-rakkomandazzjonijiet.

Jacqueline Gili kienet waħda mill-10 membri tal-Bord li vvutaw favur il-proġett. Erba’ biss ivvutaw kontra.

Il-proġett f’Pembroke approvat