Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li Malta se ddaħħal lid-49 immigrant li ilhom 19-il jum bejn sema u ilma fuq il-bastimenti Sea-Watch 3 u Prof. Albrecht Penck (Sea-Eye).

F’kofnerenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, huwa qal li dawn se jiġu trasferiti fil-ħin li ġej mill-patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta. Sar ftehim ma’ 8 stati membri tal-Unjoni Ewropea lbieraħ sabiex l-immigranti jitqassmu bejniethom. Dawn il-pajjiżi huma l-Ġermanja, il-Portugall, Franza, l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Italja.

Insista li d-dgħajjes tal-NGOs għandhom iħallu l-ibħra territorjali Maltin malli jsir it-trasferiment.

Il-Prim Ministru saħaq ukoll li ma jridx li dan il-każ joħloq preċedent. Huwa qal li għalkemm ma jixtieq jipponta swaba’ lejn ħadd, dan il-każ mhuwiex tort ta’ Malta u lanqas mhu tort tal-immigranti. Qal li fl-aħħar mill-aħħar, xi ħadd kellu jċedi sabiex jieqaf dan il-logħob b’ħajjiet in-nies.

Dalgħodu: L-immigrazzjoni fil-qofol tat-taħditiet bejn il-PM Malti u Libjan

Barra minn hekk, il-Prim Ministru qal li 131 immigrant li diġà qegħdin f’Malta se jintbagħtu fit-8 pajjiżi membri tal-UE msemmija. L-UE għandha tibgħat l-esperti tagħha biex jieħdu ħsieb 44 persuna mill-Bangladexx li kienu parti mill-249 immigrant li salvaw il-Forzi Armati ta’ Malta fil-ġimgħat li għaddew biex jiġu trasferiti. Għalhekk, ifisser li bejn wieħed u ieħor, 220 immigrant se jintbagħtu f’pajjiż differenti.

Il-Prim Ministru sostna fuq iċ-ċokon ta’ Malta, u qal li din ma kinitx responsabbiltà ta’ Malta peress li oriġinarjament, il-bastimenti kienu viċin il-Libja. Minkejja li ħafna jargumentaw li l-Libja mhux pajjiż sigur, qal Muscat, huma kienu viċin 2 pajjiżi oħra siguri: it-Tuneżija u l-Italja. Huwa qal li għalhekk, mhuwiex ġust li wieħed jgħid li l-immigranti tħallew jistennew sakemm Malta ħadet deċiżjoni.

Minkejja dan, huwa qal li kull siegħa li għaddiet li l-immigranti kienu għadhom bejn sema u ilma, ma kinitx siegħa kburija għalih. Huwa żied ukoll li hemm liġijiet internazzjonali li jeħtieġ li jiġu rrispettati minn kulħadd.

Muscat żied jgħid li għadu jemmen li Malta u l-Italja huma mseħbin, avolja bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli. Huwa saħaq li l-Italja u Malta jaffaċċjaw l-istess diffikultajiet, u għalhekk, jibqgħu “partners.”

Ilbieraħ fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Malta lesta tintervjeni biss f’każ ta’ emerġenza.

Il-Gvern jintervjeni biss “f’emerġenza”; jibqgħu bejn sema u ilma