Fi proġett li wettaq id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq, sab li ġugarell tat-tfal, mowbajl tal-film popolari Frozen ta’ Disney, li hu manifatturat iċ-Ċina, jaf ikun ta’ periklu għat-tfal.

Dan għaliex fih batteriji taċ-ċelloli, li t-tfal jistgħu jaqilgħu faċilment, u anke livell eċċessiv ta’ ċomb u kadmju.

Proġett imwettaq mid-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq li jagħmel parti mid-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), ġabar it-total ta’ 17-il ġugarell elettriku għall-ittestjar dwar is-sigurtà tagħhom. Ġew ukoll ittestjati għall-preżenza ta’ sustanzi perikolużi skont id-Direttiva 2011/65/EU f’apparat elettriku jew elettroniku (ROHS).

Il-ġugarelli miġbura kienu jinkludu dawk li joperaw b’batteriji taċ-ċelloli, ġugarelli tal-laser, u ride-on toys fost l-oħrajn. Mit-testijiet imwettqa, irriżulta li wieħed biss minn 17-il kampjun instab li fih batteriji taċ-ċelloli li jistgħu jkunu aċċessibbli faċilment mit-tfal mingħajr l-użu ta’ għodda. Dan imur kontra r-rekwiżit tas-sikurezza kif stabbilit f’EN62115. Apparti minn hekk, l-istess ġugarell instab li għandu livell eċċessiv ta’ ċomb u kadmju, u għalhekk mhuwiex konformi mad-Direttiva tar-ROHS.

Dan wassal biex id-Direttorat ħa l-prekawzjonijiet neċessarji biex dan il-prodott jitneħħa mis-suq lokali: ‘Disney Frozen mobile phone bin-numru tal-mudell 668, immanifatturat fiċ-Ċina.

Dawk il-konsumaturi li għandhom fil-pussess tagħhom il-ġugarell imsemmi hawn fuq għandhom jieqfu jużawh u jirritornawh minnufih fil-ħanut minn fejn inxtara. Il-konsumaturi huma avżati biex jivverifikaw li l-batteriji tal-ġugarelli maħsuba għat-tfal taħt it-3 snin, ma jkunux aċċessibbli mingħajr l-għajnuna ta’ għodda sakemm is-sigurtà tal-għatu tal-kompartiment tal-batterija ma tkunx adekwata. Kull nuqqas ta’ konformità misjub għandu jiġi rrappurtat lil din l-Awtorità.

F’każ ta’ mistoqsijiet jew għal aktar tagħrif, wieħed għandu jikkuntattja lill-MCCAA fuq 2395 2000, jew b’email fuq msd.mccaa@mccaa.org.mt, jew fuq il-paġna tal-Facebook tal-MCCAA.