Il-President Donald Trump ħeġġeġ lill-Kungress biex jagħtuh €5 biljun din is-sena biex jibni ħajt mal-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, imma ma ddikjarax emerġenza nazzjonali biex iħallas għall-ħajt b’fondi militari.

Waqt l-ewwel diskors televiżiv, Trump qal li l-kriżi mal-fruntiera qed tikber. Huwa issa qed jaffaċċja oppożizzjoni mid-Demokratiċi fil-Kungress li qed iżommuh milli jwettaq din il-wegħda li għamel meta kien kandidat għal President.

Fl-indirizz tiegħu, huwa staqsa kemm demm Amerikan fadal x’jinxtered qabel ma l-Kungress jagħmel xogħlu, u rrakkonta qtil li allegatament wettqu l-immigranti. Saħaq li l-immigrant illegali u d-drogi li jaqsmu l-fruntiera huma ta’ theddida serja għas-sigurtà Amerikana.

Iżda wara li ta ħjiel li jaf juża l-poter presidenzjali tiegħu biex jiddikjara emerġenza biex jikseb il-flus mingħajr l-approvazzjoni tal-Kungress, Trump qal li beħsiebu jibqa’ jitlob għal soluzzjoni mal-Kungress.

Dan id-diskors ġie 18-il jum wara li Trump qal li jkun kburi li jwaqqaf xogħol il-Gvern Amerikan biex jiġġieled għall-ħajt.

Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi qed jgħidu li l-President qed jipprova jbeżża’ lin-nies biex tgħaddi tiegħu.