Skont tbassir ta’ Standard Chartered Plc, iċ-Ċina mistennija tkun l-ikbar ekonomija sal-2030 segwita mill-Indja u mill-Istati Uniti, fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Skont l-istħarriġ li sar huwa indikat ukoll li l-Indoneżja se tkun daħlet mal-akbar ħamsa flimkien mat-Turkija. Dawn iċ-ċifri, spjegat Standard Chartered, huma maħduma fuq tbassir relatat mas-sehem li għandhom dawn il-pajjiżi fil-prodott domestiku gross u l-popolazzjoni fuq skala internazzjonali.

Qed ikun imbassar li l-Indja se tikber b’rata ta’ 7.8% sal-2020, filwaqt li ċ-Ċina mistennija timmodera t-tkabbir tagħha sal-2030 għal rata ta’ 5%, dan riżultat ta’ tnaqqis naturali li jirrifletti d-daqs tal-ekonomija tal-pajjiż.

Is-sehem tal-Ażja fil-GDP globali għandu jilħaq it-35% sal-2030, dan ifisser l-istess ammont tal-Istati Uniti u l-Ewropa f’daqqa.

BlackRock Inc. tibqa interessata fi stocks relatati mat-teknoloġija minkejja sena diffiċli

Il-kumpanija internazzjonali BlackRock Inc. saħqet li baqgħet iżżomm l-interessi tagħha f’dawk li jissejħu tech stocks minkejja li bosta investituri f’dan is-settur bdew jidentifikaw ċertu sfidi u li fl-2018 esperjenzaw tnaqqis għall-ewwel darba fl-aħħar 8 snin. Dan qalitu l-kap tal-Equity Strategy ta’ BlackRock Kate Moore f’intervista li tat lil Bloomberg matul din il-ġimgħa. Moore tenniet li dan is-settur huwa għal qalb din il-kumpanija u jaraw fih investiment li se jibqa’ jrendi valur pożittiv.

Ishma fit-Tech Stocks iltaqgħu ma’ diffikultajiet matul l-2018, partikolarment minħabba tensjonijiet fil-kummerċ bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, kif ukoll tħassib dwar tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku b’mod ġenerali. Il-FANG+ Index fin-NYSE tilef kważi nofs triljun dollaru fil-valur mill-aħħar ta’ Jannar sal-aħħar tas-sena li għaddiet.

Fil-fehma ta’ Kate Moore, il-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija qed jaddattaw ruħhom għal dawn il-kambjamenti. Qalet li l-investituri għandhom iħarsu kemm lejn il-kumpaniji tat-teknoloġija Amerikani u kif ukoll dawk Ċiniżi sabiex jiddiversifikaw l-operat tagħhom fi swieq differenti fuq tul taż-żmien. Intant, BlackRock qed tħares lejn ishma fil-kura tas-saħħa bħala settur importanti għal din is-sena. Fil-fehma ta’ Moore, dan il-qasam jaf joffri dħul, stabbilità u ħarsien f’każ ta’ diffikultajiet.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.