Il-ħaddiema tas-sigurtà ta’ ajruporti maġġuri fil-Ġermanja jinsabu fuq strajk. Kawża ta’ dan mijiet ta’ titjiriet ġew imħassra.

Skont il-midja Ġermaniża, l-istrajk jinsab għaddej fi tliet ajruporti, ta’ Düsseldorf, Cologne u Stuttgart. Kawża ta’ dan aktar minn 640 titjira ġew ikkanċellati għal-lum. L-istrajk beda bħala mod kif issir pressjoni fuq il-maniġment minħabba l-pagi.

Din hija t-tieni darba din il-ġimgħa li dawn il-ħaddiema marru fuq strajk. L-istrajk fl-ajruport ta’ Stuttgart beda fit-3am filwaqt li dak ta’ Cologne u Düsseldorf beda f’nofsillejl. Kawża ta’ dan, skont l-assoċjazzjoni tal-ajruporti ADV, mal-11,000 persuna qed jiġu affettwati.

Verdi, l-akbar unjin fil-Ġermanja qed titlob li l-pagi ta’ dawn il-ħaddiema jitilgħu għal €20 fis-siegħa. Din il-proposta mhux qed tintlaqa’ sew hekk kif min iħaddem qed isostni li hija wisq għolja. Id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat mistennija jkomplu fit-23 ta’ Jannar.