Missier f’Londra ħoloq app li tisforza lit-tfal iwieġbu messaġġi mingħand il-ġenituri tagħhom wara li ibnu kien jitfi l-ħsejjes tal-mowbajl u jinjora l-messaġġi ta’ missieru.

Din l-app partikolari bl-isem ta’ ReplyASAP, tiffriża l-mowbajl tat-tfal sakemm dawn jirrispondu l-messaġġ tal-ġenituri. Dan jiġri minħabba li l-app tieħu kontroll tal-iscreen u jibda jdoqq alarm sakemm dan il-messaġġ jinqara. Sabiex jitwaqqaf l-alarm, it-tfal jistgħu jgħafsu snooze għal 3 minuti sakemm ikunu qed iwieġbu jew inkella joħorġu mill-messaġġ. 

Id-deċiżjoni tat-tfal tintbagħat bħala messaġġ lill-ġenitur. Il-missier spjega li jittama li ġenituri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tiegħu isibu din l-app tajba għalihom. Sostna li kien hemm bosta ġenituri li għandhom tfal li jinjorawhom li sabu din l-app tajba ħafna. Insista li l-app mhix qeda hemm biex iddejjaq lit-tfal u għandha tintuża biss f’każi ta’ emerġenza.

L-app li ħarġet fuq Google Play fl-2017 tniżżlet aktar minn 75,000 darba. Għalissa għad m’hawnx verżjoni tagħha li taqbel mal-iPhones.