L-attur Malti-Taljan Davide Tucci ħareġ filmat qasir fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook fejn spjega li ġie mgħarraf li ritratti tiegħu u anke ismu kienu qed jintużaw f’kampanja ta’ reklamar qarrieqa magħrufa bħala The Bitcoin Revolution, permezz tal-midja soċjali. Hu qal li għamel rapport mas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Fil-filmat, Tucci rringrazzja lil Dawk kollha li għarrfuh b’dawn l-artikli qarrieqa. Sostna li biex wasal fejn wasal fil-karriera tiegħu għamel ħafna sagrifiċċji u mhux se jittollera li persuni jużaw ismu b’dan il-mod li ddeskriva bħala “diżgustanti”.

Azzjoni simili ttieħdet mill-preżentaturi ta’ One Breakfast, Elaine Degiorgio u Wayne Sammut, minħabba li dan l-artiklu partikolari qal li l-attur żvela l-involviment tiegħu fil-Bitcoin Revolution fuq il-programm. L-artiklu jsemmi kemm il-programm, kif ukoll it-tliet persuni involuti b’isimhom.

L-artiklu falz ġie ppubblikat fuq il-websajt Major News u jgħid li l-attur kien spiċċa lampa stampa u l-app ta’ Bitcoin Revolution irnexxielha tibdlu f’miljunarju minn lejl għal nhar.

Tucci ilu attiv fid-dinja tat-teatru u t-televiżjoni għall-aħħar 10 snin. Huwa wkoll mudell fejn saħansitra rebaħ xi premjijiet fil-Malta Fashion Awards fl-2010 u fl-2011.

L-MFSA tinvestiga siti tal-fake news; il-Gvern b’rapport lill-Pulizija

Propju ftit tal-jiem ilu l-Gvern Malti għamel rapport lill-Pulizija dwar l-istess tip ta’ riklami qarrieqa. Intant, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) bħalissa qed tinvestiga din il-kampanja ta’ riklami dwar il-muniti virtwali, cryptocurrencies.