Professjonista fil-qasam tal-agrikultura sostniet li jekk nabbandunaw din l-industrija se nispiċċaw immutu bil-ġuħ. 

Jacinta Uramah min-Niġerja tkellmet ma’ Newsbook.com.mt f’intervista li saret waqt avveniment tal-għaqda Junior Chamber International fl-Indja u spjegat l-importanza li l-umanità tieħu b’aktar serjetà l-agrikultura.

Uramah taħdem mal-bdiewa sabiex tinfurmhom dwar teknoloġiji ġodda u turihom kif jistgħu jaħdmu b’mod aħjar u li jiġġeneralhom aktar profitti. Spjegat li taħdem ukoll sabiex tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jagħżlu l-agrikultura bħala l-professjoni tagħhom u fiha jsibu opportunitajiet minn fejn jaqilgħu l-għixien għall-ħajja ta’ kuljum u jassiguraw l-għixien tal-bqija tal-popolazzjoni dinjija.

“Li nkabbru biżżejjed ikel huwa importanti”

Uramah kompliet titkellem dwar l-importanza li nkabbru biżżejjed ikel. Insistiet li hemm bżonn li l-bnedmin jitrawwmu dejjem aktar f’kultura li tissielet biex jitkabbar biżżejjed ikel mhux biss għal-lum, iżda wkoll għall-futur. 

Insistiet li t-tibdil fil-klima qed ibiddel il-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant, aktar kemm jgħaddi żmien, aktar għandna bżonn insibu modi ġodda ta’ kif timxi l-industrija. 

Filmat: Ta’ 25 sena joħloq nuċċali biex persuni għomja ‘jaraw’

“50% tax-xogħol fl-agrikultura jinvolvi xogħol fuq barra”

Mistoqsija dwar x’jista’ jħeġġeġ persuna sabiex titlaq xogħol li forsi ssib komdu u timxi għal xogħol li jirrikjedi li taħdem fuq barra u li forsi tagħmel xogħol ta’ strapazz, Uramah sostniet li huwa biss 50% tax-xogħol li jirrikjedi li l-persuna tagħmel xogħol fuq barra.

Insistiet li l-agrikultura ma tfissirx biss li ssir bidwi, spjegat li hemm xogħlijiet oħrajn bħal persuni li janalizzaw informazzjoni u jżommu rekord tal-industrija, dawk li jirrappurtaw it-temp, u speċjalisti tal-komunikazzjoni fl-agrikultura fost oħrajn. Insistiet li kull ma wieħed irid jagħmel huwa jsib l-ispunt mill-agrikultura li se jinteressah u jaħdem fuqu. “Ħadd ma għandu jaħseb fix-xogħol iebes meta jkunu qed jara kif jista’ jinvovli ruħu fl-industrija agrikola,” insistiet Uramah.

Filmat: “Gradwati bla xogħol jgħallmu fid-djar ta’ tfal bla skola”

Kull sena, l-għaqda Junior Chamber International (JCI) tonora 10 persuni minn madwar id-dinja kollha għax-xogħol umanitarju tagħhom. Fl-2018 is-serata tal-ippremjar saret fl-Indja fejn kien hemm preżenti wkoll ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt.