L-Osservatore Romano, il-gazzetta tal-Vatikan, dan l-aħħar elenkat id-diversi inizjattivi li ħa l-Isqof li għandu l-inkarigu biex f’isem il-Papa Franġisku jgħin lill-foqra f’Ruma, matul din ix-xitwa hekk kif it-temperatura kif ukoll f’diversi nħawi oħra tal-Italja u l-Ewropa, niżlet xi ftit aktar min-normal.

Fost dawn l-inizjattivi meħuda minn dak li hu magħruf bħala l-Almunier tal-Papa, kien hemm it-tqassim ta’ boroż li persuna tista’ torqod fihom, lil dawk li ma għandhomx saqaf fuq rashom filwaqt li żied ukoll in-numru ta’ sodod fid-dormitorju “Rigal tal-Ħniena” li jinsab fi triq żewġ minuti bogħod mill-Vatikan.

Dan id-dormitorju jitmexxa minn 3 sorijiet missjunarji tal-Karità bl-għajnuna ta’ xi voluntiera li qabel huma stess kienu bla dar. Il-post jinsab f’dar proprjetà tal-Ġiżwiti.

F’dan il-post, il-klijenti jistgħu jdumu sa 3 xhur sakemm isibu postijiet aktar permanenti fejn jistgħu jgħixu. Fil-post hemm kċina fejn ir-residenti jieħdu kolazzjon, kmamar tal-banju, żona għall-qari u kmamar tas-sodda fejn jistgħu jorqdu 34 persuna.  Dawn jidħlu fil-post bejn is-6.00 p.m. u jridu joħorġu qabel it-8.00 a.m.

Barra minn dan, fl-inħawi ta’ Trastevere, fi proprjetà tas-Santa Sede, il-kleru tal-Knisja ta’ San Callisto, kull filgħaxija jilqa’ madwar 30 persuna oħra għall-irqad filwaqt li dawn jingħaw ikla minn kċina fil-qrib. Fil-qrib hemm ukoll dik magħrufa bħala il-“Laundry tal-Papa” fejn hemm 6 magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ ta’ dawk fil-bżonn.

U dan mhux kollox. Il-Kardinal Konrad Krajewski li hu nkarigat minn dawn is-servizzi ta’ karità f’isem il-Papa Franġisku jservi platt sħun f’diversi toroq ta’ Ruma, partikolarment fejn il-Knisja tal-Kunċizzjoni li hi l-knisja titulari tal-Kardinal. Hawnhekk numru ta’ Djakni jsajru u jippreparaw 250 platt sħun kull nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis, biex jitqassmu lill-foqra.

U l-Almunier tal-Papa ma jieħux biss ħsieb in-nies. Kull tielet Ħadd tax-xahar joffri servizz veterinarju bla ħlas għall-klieb tal-peruni bla dar.