Il-Papa jindirizza membri tal-Korp Diplomatiku

Fid-diskors twil li għamel lid-diplomatiċi akkreditati għall-Vatikan nhar it-Tnejn, u li kien ippubblikat mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, il-Papa Franġisku tkellem dwar diversi temi u rrifera b’mod partikolari għas-sitwazzjoni fl-Afrika fejn qed jara sinjali inkoraġġanti u potenzjal pożittiv.

Il-Papa qal li f’dan il-kontinent, matul l-2018 saru diversi passi lejn il-paċi fosthom il-ftehim storiku bejn l-Etijopja u l-Eritrea li ġab fi tmiemhom 20 sena ta’ ġlied u kunflitti biex issa reġgħu kienu stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.

Hu rrifera wkoll għall-ftehim bejn il-mexxejja tas-Sudan t’Isfel fejn issa l-poplu jista’ jkompli f’koeżistenza ċivili u fejn l-istituzzjonijiet nazzjonali reġgħu bdew jaħdmu. Dan joffri sinjal ta’ tama għall-kontinent Afrikan fejn xorta għad hemm tensjonijiet u faqar kbir.

Il-Papa qal lill-membri tal-Korp Diplomatiku li kien qed isegwi s-sitwazzjoni ta’ tħassib fil-Kongo u wera t-tama li fil-pajjiż jerġa’ jkun hemm ir-rikonċiljazzjoni li tant hi mistennija u tibda t-triq lejn żvilupp sostenibbli biex tispiċċa n-nuqqas ta’ sigurtà li qed jaffettwa miljuni ta’ nies fosthom ħafna tfal. Għalkemm ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fil-pajjiż ftit jiem ilu għadhom ma ħarġux, il-Qdusija Tiegħu appella biex dawn ikun rispettati.

Papa Franġisku esprima s-solidarjetà tiegħu u qal li jħossu qrib ħafna ma dawk li qed isofru mill-vjolenza fundamentalista, b’mod partikolari n-nies fil-Mali, in-Niġer u n-Niġerja u dawk isofru mit-tensjoni kontinwa fil-Cameroon li qed twassal għal imwiet anke fost il-popolazzjoni ċivili.

Hu faħħar l-eżempju ta’ solidarjetà prattika li qed joffru dawk il-pajjiżi li qed jiftħu l-fruntieri tagħhom biex jilqgħu l-emigranti u r-refuġjati. Wieħed japprezza l-fatt li f’ħafna pajjiżi qed ikunu hemm koeżistenza ċivili bejn persuni ta’ twemmin differenti li qed jieħdu inizjattivi flimkien.