Bi tħejjija għas-sitwazzjoni li se tinħoloq fil-pajjiż wara Brexit, il-Gvern Ingliż ressaq liġi ġdida dwar l-emigrazzjoni li se tnaqqas ferm id-drittijiet tal-emigranti.

Dan wassal lill-Mexxejja Reliġjużi fir-Renju Unit li jingħaqdu flimkien u jiktbu ittra ta’ protesta lill-Gvern kontra din il-liġi ġdida.

Il-mexxejja reliġjużi Ingliżi kitbu l-ittra tagħhom fis-6 ta’ Jannar, nhar il-festa tal-Epifanija u fiha ddeskrivew l-abbozz ta’ liġi ġdid, imsejjaħ “Social Security Co-ordination Bill” bħala abbozz żbaljat u “opportunità mitlufa”.

L-abbozz se jintroduċi regoli ġodda li se jibdlu s-sistema attwali tal-emigrazzjoni fl-Ingilterra wara li fid-29 ta’ Marzu l-Ingilterra suppost li se toħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Il-mexxejja reliġjużi li ffirmaw l-ittra, fakkru lill-Gvern li l-festa tal-Epifanija (il-jum li fih kitbu l-ittra), tfakkar il-ħarba tal-Familja Mqaddsa. Dik l-istorja hi eku tas-sitwazzjoni mwiegħra tal-emigranti madwar id-dinja.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet “Vatican News” il-mexxejja reliġjużi kkritikaw bl-aħrax il-partijiet tal-abbozz li se jisfurzaw is-separazzjoni ta’ familji tal-emigranti; il-fatt li dawk li qed ifittxu ażil mhux se jkollhom dritt jaħdmu lanqas jekk ikun ilhom sitt xhur fil-pajjiż, il-kundizzjonijiet taċ-ċentri ta’ detenzjoni u l-arja ta’ suspett li biha l-emigranti jkunu milqugħa meta jaslu fl-Ingilterra. Huma appellaw biex il-pajjiż jadotta sistema aktar umana.

Ta’ min ifakkar li fid-diskors li għamel lill-Korp Diplomatiku akkreditat għall-Vatikan fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, il-Papa Franġisku tkellem b’mod enfatiku dwar il-persuni l-aktar vulnerabbli u qal li dawn jinkludu wkoll lir-refuġjati u lill-emigranti li qed jaħarbu mill-faqar u l-instabilità soċjali.

Il-Papa kkwota lill-predeċessur San Pawlu VI meta kien qal li “irridu nitkellmu f’isem il-fqar, l-isfortunati, dawk li qed jitkarrbu għall-ġustizzja u ħajja dinjituża, għal-libertà, għall-prosperità u għall-progress.”

Il-Papa appella lill-Gvernijiet kollha biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinu lill-emigranti u faħħar lil dawk il-pajjiżi li refgħu piż kbir u laqgħu numru sinifkanti ta’ refuġjati u immigranti.