Hemm ċans li fil-jiem li ġejjin il-pompi tal-petrol jieħdu azzjonijiet industrijali, skont il-Kamra Maltija għan-Negozji ż-żgħar (GRTU).

Dan ġie kkonfermat fi stqarrija fejn il-GRTU nnotat dak li skontha hu nuqqas min-naħa tal-Gvern għax mar lura fuq dak li kien diġà miftiehem.

Semmiet kif fl-2014, il-GRTU ippreżentat lill-Gvern studju dettaljat li sar minn kumpanija indipendenti li wera l-ħtiġijiet ta’ dawn l-operaturi fi sfond tal-avvanzi kontinwi li jiġu meħtieġa u mitluba mil-liġijiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u r-Regulatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS). Spjegat li dawn jinkludu ristrutturar kbir li jrid isir sa mhux aktar tard mill-2020.

Il-GRTU sostniet li kienet għamlet bosta laqgħat mall-Ministru Joe Mizzi biex jinstab ftehim għas-sostenn neċessarju għall-pompi tal-petrol, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dak li qed jintalab minnhom.