Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista David Casa kien wieħed fost grupp ta’ sitt MEPs li bagħtu ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini biex jikkundannaw l-azzjonijiet tat-Turkija kontra l-ġurnalista Pelin Ünker. Ħeġġew lill-Kummissjoni biex titlob lill-awtoritajiet Torok jerġgħu jikkunsidraw l-azzjonijiet meħuda u jneħħu l-akkużi kontra l-ġurnalista.

Fi stqarrija, il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (EEP) fil-Parlament Ewropew qal li l-MEPs insistew li l-azzjonijiet meħuda kontra l-ġurnalista Pelin Ünker mhumiex kompatibbli ma’ pajjiż li qed jistinka għall-adeżjoni fl-UE.

L-EPP qal li Pelin Ünker, li tifforma parti mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, ġiet ikkundannata għal aktar minn sena priġunerija wara r-rappurtaġġ fattwali tagħha dwar is-sidien ta’ kumpaniji minn qraba tal-ispeaker tal-assemblea nazzjonali tat-Turkija.

Ünker, weħlet il-ħabs wara li nstabet li malafamat lill-eks Prim Ministru Tork u ż-żewġ uliedu minħabba artikli tagħha dwar l-Paradise Papers. Ünker kienet irrappurtat dwar il-kumpaniji f’Malta tat-tfal tal-eks Prim Ministru Tork Binali Yildirim għall-gazzetta Cumhuriyet. Yildirim kien aċċetta li uliedu għandhom dawn il-kumpaniji.