Wara ġimgħa mqanqla għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, il-Ħamis filgħaxija fid-Dar Ċentrali kien hemm wirja ta’ appoġġ minn għadd ta’ attivisti u voluntiera tal-partit.

Uffiċjali tal-partit stmaw li attendew madwar 400 ruħ, għalkemm sorsi li kienu preżenti qalu ma’ Newsbook.com.mt li ċ-ċifra kienet eqreb il-200.

Ritratti ta’ Delia mas-segwaċi tiegħu ittellgħu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Jean Pierre Debono, li qed jorganizza s-sapport għal Delia.

Waqt l-attività għall-attivisti u l-voluntiera, Delia sostna li “meta l-verità u t-tama jkunu mhedda joħorġu jitkellmu u jersqu ‘l quddiem dawk kollha li jixtiequ u jemmnu fis-sewwa u d-demokrazija.” Sostna li matul il-ġranet tal-Milied deher ċar li bdew l-attakki kontrih u kontra l-PN. Qal li minflok ħarab minn dan kollu, mar jiltaqa’ u jitkellem man-nies.

Awdjo: L-Amministrattiv tal-PN jiltaqa’ għada jew it-Tnejn; l-ebda data għall-Eżekuttiv

Delia sostna li se jibqa’ jiddefendi l-valur tal-ħajja, u meta l-Gvern jemmen li tmien ċelloli mhix ħajja umana sa jkun il-PN li jiddefendiha. Qal ukoll li l-PN se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni, biex iġib l-isptarijiet lura għand in-nies u mhux se jieqaf jitkellem dwar kif il-Ministru Konrad Mizzi jrid jagħti art tal-poplu b’xejn lill-privat.

Din il-laqgħa kienet waħda mill-aħħar manuvri tal-fazzjonijiet favur u kontra Delia fil-partit. Filwaqt li Jean Pierre Debono qed jagħmel pressjoni fuq il-kumitati lokali u s-sezzjonijiet tal-partit biex jippubblikaw dikkjarazzjonijiet ta’ sapport għal Delia, għadd ta’ membri parlamentari qed jiffirmaw dikjarazzjoni sabiex Delia jirreżenja.