L-ewwel mara li gradwat b’PhD fis-Sirja sostniet li tul is-snin li għamlet tistudja, kien hemm bosta rġiel li qalulha li għax hi mara mhux se jirnexxiela tasal sal-gradwazzjoni.

Dima Al-Naeb kirurgu mis-Sirja tkellmet ma’ Newsbook.com.mt f’intervista li saret waqt avveniment tal-għaqda Junior Chamber International fl-Indja u spjegat li mhux l-ewwel darba li waqt li kienet tistudja, kienet tiġi mwarrba għax hi mara.

Filmat: “Gradwati bla xogħol jgħallmu fid-djar ta’ tfal bla skola”

Insistiet li s-suċċess tagħha tużah biex tispira nisa oħrajn jagħmlu bħala u ma jibżgħux jagħmlu dak li jemmnu fih. Spjegat li hi dejjem insistiet li din hija ħajjitha, il-karriera tagħha u l-istudju tagħha u meta ta’ madwarha bdew iħarsu lejn is-sitwazzjoni mill-istess lenti, ammettew kemm verament hi tajba f’xogħolha. Sostniet li kienet dejjem tirsisti biex lill-irġiel turihom li hi tajba daqshom.

“Is-Sirja hija darna”

Al-Naeb spjegat kif waħda mill-ħidmiet tagħha hija propju li tissielet sabiex tinkoraġġixxi lil Dawk kollha li telqu mis-Sirja minħabba l-gwerra sabiex jirritornaw lura. Insistiet li s-Sirja hija darhom u issa hemm aktar sistemi ta’ sapport għalihom kif ukoll servizzi tas-saħħa.

Filmat: Ta’ 25 sena joħloq nuċċali biex persuni għomja ‘jaraw’

Qalet li hi ma telqitx mill-pajjiż għax hemm bżonnha, u sostniet li hemm bżonn ukoll bosta professjonisti li telqu mill-pajjiż. Spjegat li issa hemm aktar xogħol għalihom. 

“Tistudja waqt il-gwerra”

Al-Naeb ġabet il-PhD waqt il-kriżi tas-Sirja. Spjegat li l-istudju kien il-mod tagħha kif jirnexxiela tibqa’ tgħix fi żmien ta’ gwerra. Waqt li kienet qed tistudja kienet ukoll taħdem fi sptar sabiex tikkura lil dawk li ntlaqtu mill-ġlied.

Filmat: “Jekk nabbandunaw l-agrikultura se mmutu bil-ġuħ”

Kull sena, l-għaqda Junior Chamber International (JCI) tonora 10 persuni minn madwar id-dinja kollha għax-xogħol umanitarju tagħhom. Fl-2018 is-serata tal-ippremjar saret fl-Indja fejn kien hemm preżenti wkoll ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt.