Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li qed iniedi portal, www.edu.gov.mt/support, fejn kull edukatur fl-iskejjel jista’ jagħmel rapport fuq kull tip ta’ mġiba mhux xierqa li jaffaċċjaw.

Dan ġie mħabbar fi stqarrija fejn fost l-oħrajn kien hemm ukoll reazzjoni għall-istħarriġ maħruġ ilbieraħ mill-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT).

Il-Ministeru semma li għall-fini ta’ trasparenza, fl-aħħar tas-sena skolastika se jiġi ppubblikat in-numru ta’ rapporti li jkunu daħlu. Qal ukoll li kull rapport se jkun segwit mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi fi ħdan il-Ministeru biex jittieħdu l-passi neċessarji.

“L-istħarriġ tal-MUT mhux xjentifiku”

Fl-istqarrija, il-Ministeru sostna li l-istħarriġ tal-MUT mhux xjentifiku. Madanakollu se jkun qed jieħu passi immedjati sabiex l-esperjenzi li ġew deskritti, li jinvolvu imġiba aggressiva u vjolenti fuq l-edukaturi jkomplu jiġu mwieġba. Il-Ministeru assigura li qatt mhu se jittollera vjolenza fuq l-ebda edukatur jew impjegat fl-iskejjel.

87% tal-edukaturi ġew aggrediti fl-iskejjel – MUT

Ilbieraħ l-MUT spjegat li skont stħarriġ li għamlet independentament 87% tal-edukaturi esperjenzaw aggressjoni fl-iskola fejn jaħdmu f’dawn l-aħħar sentejn. Skont l-edukaturi, 75% tal-aggressuri kienu studenti, 29% ġenituri, 12% kollegi, u 9% is-superjuri tagħhom. Irriżulta li 60% irrappurtaw l-aggressjoni.

“Tolleranza Zero għall-imġieba aggressiva kontra l-edukaturi”

Il-Ministeru temm jgħid li l-imġieba aggressiva kontra l-edukaturi se tkun qed tiġi trattata b’tolleranza zero. Qal li l-Gvern se jkun qed iħarrex il-liġijiet għal kull tip ta’ aggressjoni jew vjolenza li seħħ f’istituzzjoni edukattiva.