Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) sostniet li l-iżvilupp sostenibbli għandu jiddaħħal fil-portafoll tal-Prim Ministru.

Fi stqarrija dwar l-eżerċizzju ta’ konsutlazzjoni dwar il-Viżjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-Gżejjer Maltin għall-2050 li sar f’Novembru li għadda, il-Kummissjoni sostniet li l-iżvilupp sostenibbli m’għandux ikun ir-responsabbiltà biss tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.

Il-Kummissjoni ssuġġeriet li jitwaqqaf kumitat parlamentari magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-kamra, li jiddeċiedi fuq strateġija nazzjonali għal żvilupp sostenibbli u l-policies li jridu jiġu stabbiliti biex jitwettqu. Spjegat ukoll li l-Gvern fid-dmir li jagħmel il-parti tiegħu fejn jidħlu l-implementazzjoni ta’ policies li jħarsu aktar l-ambjent u l-interessi soċjali, li l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għandu jsir il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Sostenibbli (MCSD) u li l-konsulenti fuq proġetti ta’ żvilupp għandhom jintagħżlu min-nies li jafu xi tfisser tassew żvilupp sostenibbli.

Filwaqt li faħħret l-inizjattiva tal-Ministeru dwar il-viżjoni fit-tul għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Kummissjoni qalet li taraha stramba li f’dokument li jindirizza l-iżvilupp sostenibbli f’Malta ma’ jidhirx li qed issir rifelssjoni fuq il-limiti ta’ kemm jiflaħ il-pajjiż u fuq il-ħtieġa li jitrażżan it-tkabbir.

Il-Kummissjoni kompliet t’appella għal kunsiderazzjonijiet fit-tul, l-integrazzjoni tal-policies ambjentali, soċjali u ekonomiċi, il-parteċipazzjoni permezz ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa u li jinvolvu l-pubbliku u rifflessività permezz ta’ evalwazzjoni ta’ x’ġara fil-passat.

Il-Kummissjoni ssuġġeriet l-onestà bħala prinċipju għall-governanza tal-istrateġija għal żvilupp sostenibbli għal Malta. Semmiet ukoll il-bżonn li jiġu kkunsidrati punti oħrajn li ma ssemmewx fid-dokument, fosthom in-numru eċċessiv ta’ karozzi privati fit-toroq u l-impatti negattivi tal-industrija tal-kostruzzjoni.