FILE PHOTO: An iceberg floats in a fjord near the town of Tasiilaq, Greenland, June 24, 2018. REUTERS/Lucas Jackson/File Photo

L-oċeani qed jisħnu aktar malajr minn kemm kien imbassar tant li laħqu rekord ġdid ta’ temperatura għall-2018. Dan qaluh xjentisti u spjegaw li din is-sħana qed tikkawża ħsara lill-ħajja fil-baħar.

Skont Reuters, it-testijiet il-ġodda saru permezz ta’ netwerk ta’ 3,900 sufrun (float) li nħarġu fl-oċeani fis-sena 2000. Spjegaw li r-rekords li nġabru juru li l-oċeani qed jisħnu dejjem b’mod mgħaġġel aktar.

L-emmissjonijiet tal-gass artifiċjali qed isaħħnu l-atmosfera, skont għadd kbir ta’ xjentisti, u parti kbira mis-sħana qed tiġi assorbita mill-oċeani u tisforza l-ħut ifittxu baħar iktar frisk. L-awturi tal-ġurnal Science sostnew li t-tisħin globali hija xi ħaġa reali u qed tikkawża konsegwenzi maġġuri.

Kważi 200 nazzjon qed jippjanaw li jieqfu jagħmlu użu mill-kurburanti fossili (fossil fuels) taħt il-ftehim dwar il-klima ta’ Pariġi tal-2015. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li jrid jippromwovi kurburanti fossili tal-Istati Uniti qed jippjana li joħroġ minn dan il-ftehim sal-2020.