13:30 Is-seduta ġiet aġġornata għal 15 ta’ Frar fid-9.30am.

13:18 Jingħataw in-numri tal-mowbajls irreġistrati mal-Vodafone u mal-Go Mobile li tagħhom ġie mitlub li jiġu stampati l-call profiles.

13:10 Il-prosekuzzjoni talbet li Qorti biex jinħatar espert biex jiġu stampati l-call profiles ta’ xi numri.

13:06 Il-Prosekuzzjoni titlob biex ix-xhieda ta’ Matthew Caruana Galizia li ngħatat bl-Ingliż din għandha tiġi tradotta għall-Malti, bil-Maġistrat tilqa’ t-talba u tappunta persuna biex tagħmel dan.

13:04 It-tim forensiku jlesti mix-xhieda tiegħu.

12:51 Baqa’ biss ftit uffiċjali li jonqoshom jikkonfermaw l-evidenza u l-firem. Reġa’ tela l-Ispettur Casha li qed jispjega kif jinġabru l-oġġetti. Is-scene of crime officer għandu l-rwol li jfittex u jiġbor l-evidenza kif ukoll jippreserva l-oġġett kif suppost.

L-Ispettur Casha jgħid li t-tinda itellgħet fuq ix-xena biex jassiguraw il-kwalità tal-evidenza miġbura. Is-scene of crime officer jiġbor l-oġġetti minn fuq ix-xena, jmorru fit-tinda u dawn jgħaddu għall-exhibits officer. Jgħid ukoll li kull darba li oġġett għadda minn persuna għall-oħra ġiet iffirmata formula apposta sakkem l-oġġett jasal sal-Qorti.

12:40 Jibdew tilgħajn l-uffiċjali wieħed, wieħed jikkonfermaw il-firem tagħhom fuq ir-rapport kif ukoll jikkonfermaw l-oġġetti li hemm fil-boroż tal-evidenza.

12:30 Jibdew jiġu preżentati diversi rapporti lill-Qorti relatat mal-ħidma li saret mit-tim tal-forensika kif ukoll diversi DVDs li nġibdu bid-drones, mill-kamera tal-idejn, eċċ.

12:10 Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda. Jidħol issa t-tim tal-forensika li ħadem fuq il-każ li jikkonsisti minn 9 uffiċjali tal-Pulizija, fosthom l-Ispettur Charlot Casha. Waħda l-uffiċjali li tagħmel parti mit-tim ma setgħetx tkun preżenti għax imsiefra.

Jiġu preżentati r-rapporti minn Casha. Casha jgħid li flimkien mal-kollegi tiegħu kienu ġew innominati għall-inkjesta. Casha kien qed jikkordina l-ħidma li saret u preżenta r-rapport li fih hemm dokumentat ix-xogħol kollu li sar minn naħa tat-tim tiegħu.

Casha jispjega kif inhu maqsum ir-rapport, fosthom il-kuntatt li sar mal-esperti Olandiżi. Jgħid ukoll li hemm fir-rapport kommunikazzjoni li saret magħhom fejn ġie maqbul li x-xena ta’ fejn sar ir-reat tiġi preservata sal-wasla tagħhom. Kompla jispjega li minħabba li x-xena kienet kbira din kellha tinqasam f’setturi bit-tim forensiku jinqasam fit-timijiet li kienu komposti minn espert barrani flimkien ma’ żewġ jew tliet uffiċjali mit-tim Forensiku tal-Pulizija. Kapitlu minnhom jinkludi r-rapporti individwali jew konġunti li saru mill-uffiċjali li ħadmu fuq ix-xena.

Casha jispjega li l-filmati ġew minn drones, filmati jew ritratti li ttieħdu mill-art, jew li ġew meħudha mill-uffiċjali fit-tim tal-forensika. Ġie ddokumentat minn fejn ittieħdu, kif ukoll is-sors. Spjega wkoll li fir-rapport li għadu kif ġie preżentat hemm iddokumentat kif inqasam ix-xogħol fil-Bidnija u min ħadem fuq liema settur.

11:30 Il-Qorti twaqqaf is-seduta għal pawża qasira.

11:17 Jitilgħu jixhdu tliet esperti ballistiċi. Huma jgħidu li ġew appuntati fl-4 ta’ Diċembru 2017. Wieħed mill-esperti jispjega li xogħolhom kien li joħolqu katalogu għall-pistoli. Mistoqsi mill-avukat Martin Fenech minn fejn ġew, l-espert jwieġeb li xogħolhom kien li joħloq katalogu. L-espert jgħid li dawn ingħataw lilhom mingħand Pulizija oħra.

Mistoqsi meta waslu għand l-esperti, jgħid li kien diversi dati li fihom waslu l-affarijiet.

Waħda mill-pistoli ġiet rilevata minn Ħaż-Żebbuġ.

10:55 Jitla’ jixhed eks Surġent tal-Pulizija li kien appuntat bħala espert tal-Qorti. Huwa jgħid li eżamina biċċiet tal-plastik li ttieħdu mill-Bidnija kif ukoll 11-il CD ta’ materjal.

Jiġu preżentati numru ta’ oġġetti lill-Qorti.

10:49 Jitilgħu jixhdu żewġ kuntistabbli tal-Pulizija mid-dipartiment speċjali tal-Forensika. Wieħed mill-Pulizija jgħid li huma flimkien mal-Europol ħadu l-marki ta’ swaba minn diversi postijiet u evidenza oħra. Huma preżentaw ir-rapport tal-ħidma tagħhom.

10:45 Għadu għaddej il-kontro-eżami tal-Kaptan Lanfranco, bl-avukat ta’ difiża Martin Fenech jara r-ritratti u jistaqsi fejn ra l-karatteristiċi li juru li hi l-istess dgħajsa.

10:00 Jitla’ jixhed il-Kaptan Reuben Lanfranco li analiżża il-filmati u r-ritratti relatati mad-dgħajsa. Lanfranco jispjega li huwa analiżża d-dgħajsa li bħalissa tinsab f’hangar. L-analiżi saret l-iktar fuq in-naħa ta’ barra għall-karatteristiċi partikolari. Lanfranco jispjega li għat-tip ta’ dgħajsa li hi, il-Maya kellha tinda tal-lewn aħdar, searchlight fuq u post partikolari fejn jitpoġġew il-fender. Lanfranco qal li f’Malta il-mudell tal-Maya mhuwiex kommuni u nstab biss li kien dgħajsa waħda biss f’Malta. Il-Maya hi Wellcraft Martinique 2800. Bl-isem Wellcraft miktub mal-ġenb u fuq quddiem b’ittri kbar.

Lanfranco jgħid li huwa analiża wkoll id-dgħajjes l-oħra li dehru fil-filmati u ritratti li analiżża.

“Dik il-qoxra li tidher fil-filmati diversi hi propju dik miżmuma mill-Pulizija” – Lanfranco

Fil-kontro-eżami, Cuschieri saqsa lil Lanfranco jekk jeskludix li setgħet kienet dgħajsa oħra kważi indentika iżda mhux reġistrata Malta. Lanfranco jgħid li huwa jeskludi minħabba l-fatt li dawn it-tip ta’ dgħajjes ma tantx hemm fis-suq.

09:47 L-espert Keith Cutajar jitla’ jixhed li ħadem flimkien mal-Kaptan Lanfranco li qed jippreżenta d-dokumenti relatati mal-ħidma tiegħu dwar il-filmati meħuda mill-kameras tas-sigurtà. Cutajar jispjega li hemm numru ta’ ritratti meħudin minn diversi angoli li juru d-dgħajsa hi Maya.

Jibda l-kontro-eżami fejn l-avukat William Cuschieri saqsa jekk jikkonfermax li hi l-istess dgħajsa, b’Cutajar iwieġeb li huma “similissi” u li din il-mistoqsja għandha tiġi ndirizzata lejn il-Kaptan Lanfranco. Cuschieri jgħid li l-isem tad-dgħajsa jinsab fuq quddiem u li huwa Maya.

09:45 Tidħol il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fl-Awla.

09:30 Ninsabu fl-Awla numru 7 fejn illum se tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-aħħar jiem il-Qorti ddeċidiet li l-espert tal-Qorti Martin Bajada għandu jitħalla jkompli jassisti fl-inkjesta dan wara li l-avukat ta’ wieħed mit-tliet akkużati daħħal applikazzjoni kostituzzjonali fejn argumenta li l-għażla ta’ Bajada kienet qed tiksirlu d-drittijiet fundamentali tiegħu.

Fl-aħħar seduta xhed iben il-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia.

AQRA: Assassinju Daphne: “Indunajt li ma kinitx salvat meta lmaħt sieqha fl-għalqa”

AQRA: Assassinju Daphne: Espert ħati bi frodi jitħalla jinvestiga

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia inqatlet f’karozza bomba nhar is-16 ta’ Ottubru 2017 ftit wara li hi ħalliet id-dar tagħha fil-Bidnija. Tliet irġiel qed jiġi akkużati bil-qtil tagħha, George Degiorgio (iċ-Ċiniż), Alfred Degiorgio (il-Fulu) u Vincent Muscat (il-Koħħu).

AQRA: Assassinju Daphne: Il-Qorti tikkonferma li nkisru d-drittijiet tal-familja

AQRA: L-Assassinju tal-ġurnalista DCG

Il-Qorti qed tiġi preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.