Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi ġie ordnat iħallas aktar minn €60,000 lil raġel li hu weġġa’ f’inċident tat-traffiku fl-2014.

L-inċident kien seħħ fit-3 ta’ April tal-2014 fi Triq Ġużé Flores f’Santa Venera ħdejn il-mini. Il-vittma tal-inċident li kellu 26 sena kien waqqaf il-karozza tiegħu mal-ġenb wara li kellha xi ħsarat. Hu weġġa’ gravi meta Bonnici laqtu bil-vettura privata tiegħu.

Skont rapport mediku, il-vittma sofra ġrieħi f’rasu, f’wiċċu, u fl-irkoppa. Xhur wara l-inċident kien għadu jilmenta minn skumdità f’irkopptu.

Skont il-vittma, hu kellu l-hazard lights mixgħulin u li sakemm kien wieqaf, għaddew minn ħdejh numru ta’ vetturi mingħajr problemi ta’ xejn. Il-Qorti ddikjarat li Bonnici kien responsabbli għall-inċident. Bonnici kien ċaħad li l-hazard lights kienu mixgħula.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li Bonnici kien u għadu insured b’mod sħiħ u li l-ħlas se jiġi affetwat mill-kumpanija tal-assigurazzjoni. Il-Ministeru qal li Bonnici ma kienx għamel oppożizzjoni għat-talba għal ħlas ċivili u li “din naturalment iffaċilitat in-nuqqas ta’ dewmien fil-kawża”. Il-kawża kienet infetħet fl-2016.

Fl-2014, il-Qorti Kriminali kienet illiberat lil Bonnici mill-akkuża li kkawża l-inċident minħabba sewqan negliġenti.