Il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista David Stellini qal li l-indikazzjonijiet huma li l-Amministrattiv se jitlaqqa’ kmieni l-ġimgħa d-dieħla.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-ġimgħa li għaddiet, hu flimkien mal-President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut kellhom laqgħa pożittiva mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kif ukoll kellu laqgħa waħdu mas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

“Adrian Delia laqagħni b’moħħ miftuħ”

Qal li f’din il-laqgħa sab lil Adrian Delia b’moħħ miftuħ u lest jiddjaloga. Mistoqsi jekk ir-riżervi li kellu fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista għadhomx hemm, Stellini wieġeb li ma jkunx kuntent qabel ma jitlaqqa’ l-Kunsill Amministrattiv.

Stellini ċaħad milli jwieġeb mistoqsija dwar x’kienet ir-reazzjoni ta’ Delia għal dak li qallu fil-laqgħa billi qal li mhux lest jiddiskuti dak li ntqal fil-privat.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, David Stellini stqarr li “l-komunikazzjoni hija importanti ħafna biex tiżdied il-fiduċja” bejn il-membri tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li ftit tal-jiem ilu kien hawn preokkupazzjoni u tħassib kbir iżda rrefera għal intervista li saret aktar kmieni llum mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fejn innega l-allegazzjonijiet fuqu.

Stqarr ukoll li fost id-Deputati u l-attivisti hemm dubji jekk dawn il-filmati li ġew iċċirkolati fl-aħħar jiem humiex awtentiċi jew jekk inbidlux b’xi mod.

Appella biex ħadd ma joqgħod jinħeba wara subgħajh. Spjega li meta xi ħadd jiġi f’kuntatt mal-Kap tal-PN Adrian Delia, għandu jkun ċar mieghu u il-persuna għandha tgħidlu eżatt kif taħsibha.

“Importanti ħafna li jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari”

Fl-istess waqt li qal li għalih huwa importanti ħafna li jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, anke minħabba li nhar it-Tnejn li ġej jerġa jiftaħ il-Parlament, David Stelli qal li ma jkun hemm xejn ħażin jekk il-Kap Nazzjonalista jagħżel ukoll li jiltaqa’ b’mod individwali mad-deputati tiegħu. Stellini kkonferma li l-Kap Nazzjonalista qed jiltaqa’ ras’imb’ras mal-Membri Parlamentari.

Ma’ Newsbook.com.mt David Stellini qal ukoll li Delia qiegħed “f’listening mode”.

AQRA: Fergħat PN: Nofshom tkellmu favur Delia; Nofshom għad iridu jiltaqgħu