Il-Pulizija f’Pariġi fetħet il-kanuni tal-ilma u l-gass tad-dmugħ fuq id-demostranti tal-ġkieket sofor madwar il-monument tal-Arc de Triomphe llum wara disa’ ġimgħat ta’ protesti kontra riformi tal-President Franċiż Emmanuel Macron.

Eluf ta’ persuni pprotestaw b’mod paċifiku fiż-żona magħrufa l-aktar għax-xiri l-Grands Boulevards fit-Tramuntana ta’ Franza, viċin l-isplużjoni li seħħet is-Sibt ġewwa forn tal-ħobż fejn inqatlu żewġ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u kważi 50 oħra ndarbu.

Iċ-ċentru ta’ Pariġi jinsab magħluq minħabba l-biża’ li jerġa’ jkun hemm iktar vjolenza mill-moviment tal-ġkieket sofor. Il-pontijiet li jaqsmu x-xmara Seine jinsabu magħluqin filwaqt li l-binjiet uffiċjali bħall-Parlament u l-Palazz tal-President jinsabu protetti mill-pulizija.

Diversi gruppi nġabru biex jipprotestaw fi Triq Champs Elysees u bosta qed jitolbu lil Macron biex jirreżenja. Diversi persuni li kienu fil-post qalu li l-pulizija fetħet il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma fuq il-militanti tal-ġkieket sofor wara li dawn garawlhom diversi ġebel u żebgħa. S’issa aktar minn 50 persuna ġew arrestati tul il-ġimgħat li għaddew.