Bosta persuni ma jaħsbuhiex darbtejn meta ma jsibux parkeġġ normali u jispiċċaw sabiex iħallu l-karozza tagħhom fuq bankina.

Newsbook.com.mt ġie kkuntattjat minn resident ir-Rabat dwar karozzi pparkjati fuq il-bankini madwar il-monument ta’ Depiro ħdejn il-kumpless ta’ Sant’ Agatha fir-Rabat. Sostna li dan huwa disrispett kbir u xi ħaġa li saret ta’ kuljum.

Kien hawn li Newsbook.com.mt għamel kuntatt mall-Kunsill Lokali tar-Rabat kif ukoll mal-Pulizija dwar din iż-żona u l-parkeġġ fuq il-bankina. Il-kelliem għall-Kunsill Lokali sostna li huwa projbit li persuni jipparkjaw fuq bankina.

Min-naħa l-oħra, il-kelliem għall-Pulizija spjega li matul l-2018, mad-dawra tal-monument Depiro, ġew maħruġa 8 ċitazzjonijiet għal karozzi li pparkjaw fuq bankina. Tliet ċitazzjonijiet inħarġu fuq karozzi pparkjati fi Triq Bir ir-Riebu, erba’ fi Triq Emanuel Vitale u waħda fi Triq Pierre Muscat.