Il-kumpanija Henley and Partners ikklassifikat il-passaport Malti fid-9 post għall-bidu tal-2019. Fl-2018, il-passaport kien fis-7 post.

Din l-informazzjoni toħroġ mill-klassifika internazzjonali tal-passaporti ta’ Henley and Partners. Din hija kumpanija ewlenija fit-taqsima tal-bejgħ tal-passaporti.

Il-klassifika ssir skont in-numru ta’ destinazzjonijiet li wieħed jista’ jaċċessa b’passaport partikolari mingħajr visa. Is-sit ta’ Henley and Partners jgħid li l-klassifika tal-passaporti tagħhom hija l-aktar waħda awtorevoli fid-dinja.

Il-klassifikazzjoni ta’ Malta tul is-snin:

2006: 11

2007: 12

2008: 14

2009: 14

2010: 15

2011: 11

2012: 11

2013: 9

2014: 8

2015: 8

2016: 9

2017: 10

2018: 7

2019: 9

Il-kumpanija taċ-ċittadinanza Henley and Partners kellha żieda ta’ aktar minn 500% fil-profitti tagħha mill-Programm tal-Investitur Individwali (IIP).

F’Ottubru tal-2018, Newsbook.com.mt irrapporta kif fil-qasam tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, Malta ikklassifikat fl-ewwel post f’rapport li kien iffinanzjat mill-istess kumpanija li topera l-bejgħ taċ-ċittadinanza u r-residenza f’Malta, Henley & Partners. Ir-rapport iġib l-isem ta’ Global Residence and Citizenship Programs inħadem mill-kumpanija Henley & Partners flimkien ma’ tim ta’ esperti li jinkludu avukati li jaħdmu fil-qasam tal-immigrazzjoni u ċ-ċittadinanza, ekonomisti, u esperti oħra li flimkien ħolqu indiċi kemm għall-programm tar-residenza kif ukoll għall-programm taċ-ċittadinanza.

Pajjiżi żgħar b-iskema tal-bejgħ tal-passaporti jista’ jkun qed jiġu mmanipulati minn organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ pajjiżi kbar u żviluppati sabiex jagħmlu l-miljuni u jikkomplottaw attivitajiet illeċiti.
Din hija waħda mill-konklużjonijiet tal-ġurnalist Freddy Gray, li fi blogg ewlieni f’The Spectator jislet rabta bejn l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica u ċ-Ċermen ta’ Henley & Partners, Dr Christian Kalin.

Il-każ ta’ Cambridge Analytica, kumpanija tad-dejta li tiġbor u tanalizza informazzjoni biex tgħin lill-politiċi jirbħu l-elezzjonijiet, ġie żvelat minn wieħed mill-ħaddiema, Chris Wylie, li qal li l-kumpanija użat l-informazzjoni personali ta’ 50 miljun membru ta’ Facebook biex tinfluwenza r-riżultati tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti u r-referendum tal-Brexit, fost l-oħrajn.

Minn dakinhar li tkellem il-kumpanija keċċiet lil Wylie.

Fl-2017, it-theddid ta’ azzjoni legali kontra l-midja Maltija minn Henley and Partners wassal lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jitlob lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex waqt l-istadju ta’ Kumitat dwar il-liġi li tolqot il-media jittieħdu miżuri kontra l-użu tal-miżuri magħrufa bħala SLAPP.

Il-President tal-Istitut, Norma Saliba, qalet dan ma’ Newsbook.com.mt. Hija żiedet tgħid li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin huwa mħasseb serjament dwar dawn l-użu tal-miżuri msejjħa SLAPP kontra l-midja f’Malta u wera t-tħassib tiegħu f’diskussjonijiet li kellu kemm mal-Gvern kif ukoll mal-Oppożizzjoni.

Esperti legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li ħafna ġurisdizzjonijiet iddikjaraw dawn it-tip ta’ kawżi bħala illegali peress li SLAPP issir biss biex thedded u taħli l-ħin tal-ġurnalisti u attivisti fis-soċjetà ċivili.