Intlemħet speċi ta’ brama msejjħa Portuguese man o’ war f’Għajn Tuffieħa, li hija waħda mill-iktar bram velenużi madwar id-dinja. It-tingiża tagħha b’saħħitha biżżejjed li toqtol persuna f’ċertu każi.

Post fuq Facebook mill-Professur Alan Deidun, l-Ambaxxatur Malti għall-Oċeani, spjega kif it-tingiża tal-ispeċi tikkawża ħafna uġigħ, u l-velenu anka f’dawk mejtin jibqa’ attiv għal numru ta’ ġranet. Ħabba f’hekk, anka mejtin, m’għandhomx jintmessu dawn il-bram.

Huwa kompla jżid li użu ta’ ħall jew spirtu se jżid l-uġigħ, għalhekk l-aħjar trattament huwa użu ta’ biċċiet tad-drapp speċjali tas-sħana, jew li tgħerreq fejn tniggiżt fl-ilma jaħraq. Huwa spjega li dan jiġi speċifikat fi ktejjeb dwar trattament ta’ tingiż mill-bram, li tista’ ssibu hawn.

Din l-ispeċi għandhom borża mimlija arja li tissejjaħ marissa, li biha jirnexxielha ma tegħriqx. Waqt li ftit minnhom huma speċjalizzati biex jaqbdu l-ikel, hemm oħrajn għar-reproduzzjoni u għal affarijiet oħra. B’hekk, jiddependu ħafna fuq xulxin. Din l-ispeċi s-soltu tinstab fl-Oċejan Paċifiku jew fl-Atlantiku, iżda b’irjiħat b’saħħithom sabet ruħha fil-Mediterran.

Lejn il-bidu ta’ Jannar Newsbook.com.mt kien irraporta invażjoni ta’ bram f’Malta.