Se jkun hemm speed camera ġdida b’limitu ta’ 40 kilometru fis-siegħa fin-Naxxar.

Newsbook.com.mt żar Triq San Pawl fin-Naxxar fejn diġà hemm it-tabelli li jindikaw il-preżenza ta’ speed camera fil-qrib. Hemm ukoll it-tabelli li juru li l-veloċità massima li vettura għandha tinstaq biha fit-triq hija ta’ 40 kilometru fis-siegħa. Madanakollu, l-ispeed camera għadha mhix installata.

Is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li din l-ispeed camera se ssir però spjegat li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar qatt ma ġie kkonsultat dwarha.

Dan ifisser li l-ispeed camera l-ġdida se jkollha limitu aktar baxx minn dik ta’ Ħ’Attard li bħalissa tieħu ritratt tal-vetturi li jsuqu aktar minn 50 kilometru fis-siegħa.

Issoltu, l-ispeed camera ta’ Ħ’Attard tkun l-aktar waħda bieżla. Fl-2015, din qabdet ftit inqas minn 14,000 kontravenzjoni.

Triq San Pawl tinsab fin-Naxxar wara t-telgħa ta’ Alla u Ommu. Jekk ġej mid-direzzjoni opposta, din it-triq tinsab qrib iż-żona magħrufa bħala Tal-Balal. Triq San Pawl fiha ftit aktar minn kilometru fit-tul.

Google Maps

F’Jannar ta’ din is-sena, mara u tifel ittieħdu l-isptar wara li nqalbu bil-karozza fi Triq San Pawl fin-Naxxar f’ħabta ma’ karozza oħra.

Fl-2018, raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei wara ħabta bejn karozza u coach fl-istess triq.

Filmat: Christoph Schwaiger