Il-whistleblower Maria Efimova ġiet rikonoxxuta għax-xogħol tagħha mill-Blueprint for Free Speech f’Londra. Dan ir-rikonoxximent ġie mħabbar waqt il-protesta li saret l-Erbgħa fil-Belt Valletta biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia. L-attivisti inġabru biex ifakkru il-15-il xahar mill-mewt tal-ġurnalista assassinata.

Waqt il-vġili organizzat mis-soċjetà ċivili, Repubblika u Occupy Justice, l-attivista Alessandra Dee Crespo qrat il-messaġġ ta’ Efimova, fejn irringrazzjat lill-organizzazzjoni li rrikonoxxiet ix-xogħol tagħha. Hija ddedikat il-premju lil Daphne Caruana Galizia u qalet li trid issir ġustizzja ma’ min kien wara l-assassinju tagħha. Efimova rringrazzjat lil dawk kollha li kienu strumentali biex hija ma tkunx deportata lejn Malta wara li kien ħareġ mandat ta’ arrest ewropew.

Id-demokrazija u l-libertà jmorru oltre mill-elezzjonijiet – L-avukat Mark Fenech

L-avukat Mark Fenech waqt l-indirizz tiegħu quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta fakkar lil dawk preżenti li l-libertà u d-demokrazija huma importanti t-tnejn u jmorru oltre mill-elezzjonijiet kull ħames snin. Huwa qal li ma kinitx faċli biex Malta kisbet il-libertà u d-demokrazija u fakkar is-snin 80 fejn qal li kien hemm ġustizzja selettiva. Huwa semma kif madwar 20 sena ilu, persuna żagħżugħa kitbet artiklu fejn ikkritikat l-amministrazzjoni tal-Laburisti u llum il-ġurnata huwa l-Prim Ministru ta’ Malta.  Huwa fakkar kif l-oppożizzjoni fis-snin 70 u 80 kienet tirrifletti l-kuraġġ u l-onestà però l-mexxejja ma kienux oppożizzjoni kurrenti. Fakkar li kienet is-soċjetà ċivili li għadha qed tiġġieled għall-ġustizzja u kontra l-korruzzjoni biex dak li nkiseb fil-passat ma jintilifx.